Katidral ta' Reims
Il-Katidral ta' Reims (bil-Franċiż magħruf uffiċjalment bħala Notre-Dame de Reim; pronunzjata [nɔtʁə dam də ʁɛ̃s]; li tfisser il-"Madonna ta' Reims") huwa katidral Kattoliku Ruman fil-belt Franċiża ta' Reims, is-sede arċiveskovali tal-Arċidjoċesi ta' Reims. Il-katidral ġie ddedikat lill-Madonna u kien il-post tradizzjonali għall-inkurunament tar-rejiet ta' Franza.
Huwa maħsub li l-katidral ġie stabbilit mill-isqof Nicasius fil-bidu tas-seklu 5. Clovis ġie mgħammed bħala Kristjan fil-katidral minn San Remigius, l-isqof ta' Reims, madwar seklu wara. Huwa kien l-ewwel re tal-Franki li ngħata dan is-sagrament. Il-kostruzzjoni tal-Katidral ta' Reims attwali beda fis-seklu 13 u ġie konkluż fis-seklu 14. Bħala eżempju prominenti ta' arkitettura Gotika Aħħarija, il-katidral inbena biex jissostitwixxi knisja preċedenti li nqerdet min-nirien fl-1210. Għalkemm ġarrab ftit ħsarat matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, il-katidral attwali sarlu restawr estensiv fis-seklu 19. Ġarrab ħsarat estensivi matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u l-knisja ġiet restawrata mill-ġdid fis-seklu 20.
Mil-liġi tal-1905 dwar is-separazzjoni tal-knisja u l-istat, is-sjieda tal-katidral għaddiet għand l-istat Franċiż, filwaqt li l-knisja Kattolika għandha ftehim għall-użu esklużiv. L-istat Franċiż iħallas għar-restawr u għaż-żamma tal-katidral.[1] Il-katidral bħala destinazzjoni turistika ewlenija jilqa' madwar miljun viżitatur kull sena. Ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]
Storja
Seklu 5 – Katidral Merovinġjan
L-insedjament ta' tribù ta' Galli msejħa r-Remes, imsejjaħ Durocortorum, kien ġie rreġistrat minn Ġulju Ċesri fir-rakkonti tiegħu dwar il-Gwerer Galliċi.[3] Matul l-Imperu Ruman Aħħari, sar il-belt kapitali ta' provinċja estiża sad-delta tax-xmara Renu, u fis-seklu 3 W.K. kienet il-belt kapitali tal-provinċja Rumana magħrufa bħala t-Tieni Belġju. L-ewwel knisja Kristjana hemmhekk ġiet stabbilita mill-ewwel isqof, San Sestu ta' Reims bejn il-250 u t-300 W.K.
Fil-bidu tas-seklu 5, fil-perjodu Merovinġjan, l-Isqof Nicasius ittrasferixxa l-katidral lejn il-post attwali tiegħu, li huwa s-sit li qabel kien okkupat mill-banju Gallo-Ruman mibni mill-Imperatur Kostantinu.[4][5] Il-knisja l-ġdida ġiet iddedikata lill-Madonna, qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Efesu fl-431 li stabbilixxa l-istatus imsaħħaħ tagħha.[6] Il-katidral il-ġdid, bil-pjanta ta' għamla kwadra fuq barra u ċirkolari fuq ġewwa[7][8], kien bejn wieħed u ieħor 20 metru (66 pied) b'55 metru (180 pied). Fis-snin 90 tas-seklu 20, il-Battisterju ta' din il-knisja Merovinġjana oriġinali, eżatt taħt il-katidral attwali, ġie skavat u nstabu frammenti tal-istruttura antika.[9]
Clovis I, ir-Re tal-Franki, ġie mgħammed hemmhekk għall-ħabta tal-496 W.K. minn San Remiġju (magħruf ukoll bħala San Remi). Dan kien l-avveniment li ispira t-tradizzjoni twila ta' inkurunamenti rjali f'Reims.[10][11][12]
Seklu 9 – Katidral Karolinġju
Fit-816, Lwiġi d-Devot, ir-Re tal-Franki u Imperatur tal-Imperu Ruman Sagru, ġie inkurunat f'Reims mill-Papa Stiefnu IV. L-inkurunament u ċ-ċelebrazzjonijiet li saru wara ħarġu fid-dieher il-kundizzjoni batuta u d-daqs mhux adegwat tal-katidral bikri. Mill-bidu ta' bejn wieħed u ieħor it-818, l-arċisqof Ebbo u l-arkitett irjali Rumaud bdew jibnu knisja ferm ikbar fl-istess post, u użaw il-ġebel mis-swar antiki tal-belt.[13]
Ix-xogħol ġie interrott fit-835, u mbagħad reġa' kompla taħt arċisqof ġdid, Hincmar, bl-appoġġ tal-Imperatur Karlu l-Fartas. Il-knisja fuq ġewwa ġiet imżejna bl-indurar, bil-mużajk, bil-pitturi, bl-iskulturi u bit-tapizzeriji. Fit-18 ta' Ottubru 862, fil-preżenza tal-Imperatur, Hincmar iddedika l-knisja l-ġdida, li kienet kbira 86 metru (282 pied) u kellha żewġ transetti.[14]
Fil-bidu tas-seklu 10, ġiet skoperta mill-ġdid kripta antika taħt il-knisja oriġinali. Taħt l-arċisqof Heriveus, il-kripta (li kienet iċ-ċentru inizjali tal-knejjes preċedenti li nbnew fuqha) ġiet ikklirjata, rinnovata, u mbagħad iddedikata mill-ġdid lill-qaddis isqof Remiġju. L-artal tal-katidral għadu fl-istess post, eżatt fuq il-kripta, bħal dawn l-aħħar 15-il seklu.[15]
Mill-bidu tad-976, l-arċisqof Adalbero beda jkabbar il-katidral Karolinġju. L-istoriku Richerus, student ta' Adalbero, jagħti deskrizzjoni preċiża ħafna tax-xogħol li twettaq mill-arċisqof:
"Huwa qered għalkollox l-arkati, estiżi mid-daħla sa kważi kwart tal-bażilika, sa fuq nett, biex il-knisja kollha, imsebbħa, tikseb iktar kobor u għamla iktar adattata (...). Huwa żejjen l-artal prinċipali tal-kurċifiss tad-deheb u ħaddnu f'qisha kannizzata tleqq (...). Huwa dawwal l-istess knisja bi twieqi bi ġrajjiet differenti fuqhom u taha qniepen li kienu jdoqqu qishom ragħad". — Richerus ta' Reims.[16]
Il-prestiġju tal-Ampulla Sagra, il-vjala sagra mimlija bil-mirra li biha ġew midluka r-Rejiet Franċiża, il-fatt li Clovis I kien ġie mgħammed hemmhekk, u l-poter politiku tal-arċisqof ta' Reims wassal biex Reims issir il-post regolari fejn isir l-inkurunament tal-monarka Franċiż. Enriku I ta' Franza ġie inkurunat f'Reims fl-1027, u dan stabbilixxa t-tradizzjoni. Ir-Rejiet futuri kollha ta' Franza għajr seba' minnhom ġew inkurunati f'Reims. Barra minn hekk, il-katidral ospita ċerimonji rjali oħra wkoll. Fid-19 ta' Mejju 1051, Enriku I ta' Franza u Anna ta' Kiev iżżewġu fil-katidral.[17] Fl-1131 filwaqt li kien qed iwettaq il-Kunsill ta' Reims, il-Papa Innoċenti II dilek bil-mirra u inkuruna lil Lwiġi VII, iben ir-re renjanti Lwiġi VI, fil-katidral.[18][19]
-
Il-magħmudija ta' Clovis ta' artist Gotiku (għall-ħabta tas-seklu 14).
-
Il-magħmudija ta' Clovis tal-Mastru ta' San Giles (għall-ħabta tas-seklu 16).
-
Xbieha tal-katidral Karolinġju fuq il-qabar tal-Arċisqof Hincmar (is-seklu 9), meqruda fl-1793.
Seklu 12 – Katidral Gotiku Bikri
Sas-seklu 12, il-katidral Karolinġju ġie meqjus żgħir wisq għall-ambizzjonijiet tal-Arċisqof, Sansun ta' Mauvoisin (1140-1160). Huwa ppreserva n-navata u t-transett eżistenti iżda reġa' bena u kabbar iż-żewġ trufijiet tal-katidral.[20] Huwa ġarraf il-faċċata tal-Punent u t-torri mehmuż sabiex jibni par torrijiet maġenb xulxin, simili għal dawk tal-Abbazija Rjali ta' Saint Denis barra Pariġi, u kien iddedika kor lill-Arċisqof Sansun innifsu xi ftit snin ilu. Il-knisja l-ġdida kienet itwal mill-katidral l-antik, b'tul ta' 110 metru (360 pied). Fuq in-naħa tal-Lvant, huwa ħoloq kor ikbar u ambulatorju, kif ukoll ċirku ta' kappelli radjanti.[21] Fi tmiem is-seklu, in-navata u t-transett kienu għadhom bl-istil Karolinġju filwaqt li l-apsida u l-faċċata kienu bl-istil Gotiku Bikri.[22]
-
Siġill tal-katidral li juri kif kien fis-seklu 12.
Sekli 13-14 – Katidral Gotiku Aħħari
Fis-6 ta' Mejju 1210[23][24], il-katidral Gotiku Bikri Karolinġju nqered min-nirien, allegatament minħabba "traskuraġni". Sena eżatt wara, l-arċisqof Aubrey poġġa l-ewwel ġebla tal-apsida b'ambulatorju tal-katidral il-ġdid. Ix-xogħol fuq il-katidral il-ġdid sar b'ħeffa eċċezzjonali, minħabba li l-Katidral ta' Reims kien wieħed mill-ewwel binjiet fejn intuża ġebel u materjal ieħor b'daqsijiet standardizzati, biex b'hekk kull ġebla ma kellhiex għalfejn toqgħod tinqata' skont il-bżonn. F'Lulju 1221, il-kappella fit-tarf tal-Lvant tal-katidral bdiet tintuża. Fl-1230 beda x-xogħol fuq il-faċċata tal-Punent, u dan jindika li n-navata kienet kważi kompluta.[25]
Wara bidu mgħaġġel, ix-xogħol ġie mdewwem bejn l-1233 u l-1236 minħabba kunflitt serju bejn il-kleru tal-katidral u l-klassi l-għolja sinjura tal-belt. Madankollu, fl-1241, il-membri tal-kleru setgħu jiltaqgħu fil-kor, u dan juri li l-volti tal-apsida u l-ħames l-aħħar traversi tan-navata fil-Lvant, fejn kien hemm is-sedji, kienu tlestew.[26]
In-naħa tal-Punent inbniet iktar bil-mod. Ix-xogħol fuq il-faċċata tal-Punent ma bediex qabel l-1252, u l-portali ma tlestewx qabel l-1260. Minn hemm 'il quddiem ix-xogħol mexa mill-Punent għal-Lvant, bit-tlestija tan-navata; is-sular tar-rużuni tlesta għall-ħabta tal-1275-1280. Is-saqaf tan-navata u l-galleriji ta' fuq tlestew fl-1299.[27]
Ix-xogħol twettaq minn erba' arkitetti wara xulxin sat-tlestija tax-xogħol strutturali tal-katidral fl-1275: Jean d'Orbais, Jean-le-Loup, Gaucher de Reims u Bernard de Soissons. Iżda l-katidral kien għadu ma tlestiex. Il-Gallerija tar-Rejiet fil-faċċata tal-Punent, u t-torrijiet ottagonali ta' fuq ma tlestewx qabel is-snin 60 tas-seklu 15. Spira għolja ħafna tal-injam u taċ-ċomb inbniet fuq it-transett, iżda nqered min-nirien fl-1481 minħabba n-negliġenza tal-ħaddiema. L-aħħar xogħlijiet li tlestew kienu fil-galleriji ta' fuq tan-navata, li tlestew fl-1505. Dawn tant kienu swew flus li l-kumplament tal-proġetti ppjanati, inkluż kampnar għoli 170 metru fuq it-transett, spiri fuq il-faċċata tal-Punent u t-torrijiet ippjanati ta' fuq maġenb it-transett, qatt ma nbnew.[27]
Sekli 15-16
L-inkurunament ta' Karlu VII fl-1429 immarka żvolta fil-Gwerra ta' Mitt Sena, minħabba parzjalment l-azzjonijiet ta' Ġovanna t'Arc. Fil-Katidral ta' Reims tiġi mfakkra b'saħansitra żewġ statwi: statwa riekba żiemel fuq barra tal-knisja u oħra fi ħdan il-knisja. Minn rekords fid-dokumenti jidher ċar li l-akkwist tal-art fil-Punent tas-sit tal-katidral sar fl-1218, u ġie ssuġġerit li l-katidral il-ġdid kien sostanzjalment ikbar minn dawk ta' qablu. X'aktarx li t-tkabbir tan-navata kienet adattament li sar biex ikun hemm iktar spazju għall-folol li kienu jattendu l-inkurunamenti.[28] Fl-1233 diżgwid li dam għaddej bejn il-kleru u ċ-ċittadini tal-belt (rigward kwistjonijiet marbuta mat-tassazzjoni u mal-ġurisdizzjoni legali) spiċċa saħansitra f'rewwixta fil-beraħ.[29] Diversi membri tal-kleru nqatlu jew indarbu matul il-vjolenza li faqqgħet u l-kleru kollu tal-katidral ħarab mill-belt, u ħallih b'interdett (li effettivament ipprojbixxa l-qima pubblika u s-sagramenti). Ix-xogħol fuq il-katidral il-ġdid ġie sospiż għal tliet snin, u kompla biss fl-1236 wara li l-kleru reġa' lura fil-belt u l-interdett tneħħa wara medjazzjoni mir-re u mill-Papa. Il-kostruzzjoni mbagħad saret ferm iktar bil-mod. Iż-żona mis-salib tal-pjanta lejn il-Lvant kien qed jintuża mill-1241 iżda n-navata ma ġietx imsaqqfa qabel l-1299 (meta r-re Franċiż neħħa t-taxxa fuq iċ-ċomb użat għal dak l-iskop). Ix-xogħol fuq il-faċċata tal-Punent twettaq f'diversi fażijiet, u dan huwa rifless fl-istili differenti ħafna ta' wħud mill-iskulturi. Il-partijiet ta' fuq tal-faċċata tlestew fis-seklu 14, iżda milli jidher skont disinni tas-seklu 13, u b'hekk il-Katidral ta' Reims ingħata unità mhux tas-soltu fl-istil.[30]
Għad-differenza tas-soltu, l-ismijiet tal-arkitetti oriġinali tal-katidral huma magħrufa. Labirint mibni fl-art tan-navata fil-mument tal-kostruzzjoni jew ftit wara (simili għal eżempji fil-Katidral ta' Chartres u fil-Katidral ta' Amiens) kien jinkludi l-ismijiet tal-erba' arkitetti (Jean d'Orbais, Jean-le-Loup, Gaucher de Reims u Bernard de Soissons) u l-għadd ta' snin li ħadmu fuq il-katidral, għalkemm l-istoriċi tal-arti ma jaqblux dwar min kien responsabbli għall-partijiet differenti tal-binja. Il-labirint innifsu nqered fl-1779 iżda d-dettalji u l-kitbiet tiegħu huma magħrufa minn tpinġijiet tas-seklu 18. L-assoċjazzjoni ċara hawnhekk bejn labirint u l-arkitetti tal-katidral issostni l-argument li tali disinni kienu allużjoni għall-istatus emerġenti tal-arkitetti (minkejja l-assoċjazzjoni tagħhom mal-arkitett mitiku Dedalu, li bena l-labirint ta' Minos f'Kreta). Il-katidral fih ukoll evidenza ulterjuri taż-żieda fl-importanza tal-istatus tal-arkitetti fil-qabar ta' Hugues Libergier (li miet fl-1268 u li kien l-arkitett tal-Knisja ta' San Nicaise ta' Reims li nqerdet). Mhux talli jingħata ġieħ b'lapida mnaqqxa fil-katidral, talli jidher ukoll b'minjatura tal-knisja tiegħu (unur li fl-imgħoddi kien irriżervat għad-donaturi nobbli) u liebes ilbies ta' akkademiku li jixraq lil intellettwali.[31]
It-torrijiet, għoljin 81 metru (266 pied), oriġinarjament kienu ġew iddisinjati biex ikunu għoljin 120 metru (390 pied). It-torri tan-Nofsinhar jesa' żewġ qniepen kbar biss; waħda minnhom, imsejħa "Charlotte" minn Karlu, il-Kardinal ta' Lorraine fl-1570, tiżen iktar minn 10,000 kilogramma (10 tunnellati).
Wara l-mewt tar-Re Ġwanni I li kien għadu tarbija, zijih Filippu malajr ġie inkurunat f'Reims, fid-9 ta' Jannar 1317.[32]
Matul il-kampanja militari ta' Reims tal-Gwerra ta' Mitt Sena, il-belt kienet taħt assedju mill-Ingliżi mill-1359 sal-1360, iżda l-assedju ma rnexxiex.[33] Fl-1380, il-Katidral ta' Reims kien il-post fejn sar l-inkurunament ta' Karlu VI, u tmien snin wara Karlu sejjaħ kunsill f'Reims fl-1388 biex personalment jieħu l-kontroll mid-diversi zijiet tiegħu.[34] Wara li Enriku V tal-Ingilterra rebaħ kontra l-armata ta' Karlu VI fil-Battalja ta' Agincourt, Reims flimkien mal-biċċa l-kbira tat-Tramuntana ta' Franza spiċċat f'idejn l-Ingliżi.[35] L-Ingliżi żammew lil Reims u l-katidral tagħha sal-1429, meta mbagħad inqabdet minn Ġovanna t'Arc, u b'hekk Karlu d-dauphin ġie inkurunat re fis-17 ta' Lulju 1429.[36] Wara l-mewt ta' Francis I, Enriku II ġie inkurunat Re ta' Franza fil-25 ta' Lulju 1547 fil-Katidral ta' Reims.[37]
Fl-24 ta' Lulju 1481, reġa' kien hemm nirien ikkawżati min-negliġenza tal-ħaddiema fis-saqaf li ħakmu l-istruttura, u kkawżaw il-qerda tal-qafas, tal-kampnar ċentrali, u tal-galleriji fil-bażi tas-saqaf, u minħabba f'hekk iċ-ċomb tas-saqaf dab, u kkawża iktar danni. Madankollu, l-irkupru sar malajr permezz tar-rejiet Karlu VIII u Lwiġi XII li għamlu donazzjonijiet għar-rikostruzzjoni tal-katidral. B'mod partikolari, eżentaw il-katidral fir-rigward tat-taxxa mhux popolari ta' Gabelle. Bħala ringrazzjament, is-saqaf il-ġdid ġie mżejjen bl-istemma rjali tal-fleur-de-lis "fil-quċċata tal-faċċata". Madankollu, dan ix-xogħol ġie sospiż qabel it-tlestija fl-1516.[38]
-
Dwardu III tal-Ingilterra jassedja lil Reims bil-kanuni fil-Kampanja Militari ta' Reims tal-Gwerra ta' Mitt Sena. Il-katidral huwa viżibbli fl-isfond.
-
L-inkurunament ta' Karlu VII fl-1429, ta' Jules Eugène Lenepveu.
Sekli 17-18
Fis-seklu 18 saret l-ewwel rikostruzzjoni kbira fuq ġewwa tal-katidral. Bejn l-1741 u l-1749, it-twieqi t'isfel u l-għamara Medjevali, l-artal prinċipali, is-sedji tal-kor, u l-ħajt diviżorju tal-kor kollha ġew sostitwiti b'għamara li ssegwi iktar ir-rekwiżiti teoloġiċi u l-gosti ta' dak iż-żmien. L-iskulturi tal-portali ġew irrestawrati wkoll.[39]
Fl-1793, matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, il-katidral ingħalaq u għal żmien qasir ġie kkonvertit f'maħżen għall-qmugħ, u mbagħad għal xi żmien ġie kkonverti f'Tempju tar-Raġuni. Il-biċċa l-kbira tal-kumplament tal-għamara u tal-monumenti funebri nqerdu, il-relikwarji fit-teżor ġew imdewba għad-deheb, u l-qniepen ġew imdewba biex jiġi prodott kanun. Saru attakki bl-imrietel fuq il-biċċa l-kbira tal-iskulturi tal-portal il-kbir u fuq l-iżjed simboli evidenti tal-monarkija, bħall-emblemi tal-fleur-de-lis, u l-Id tal-Ġustizzja rjali ngħataw in-nar. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-iskulturi Medjevali waslu intatti sa żminijietna.[40]
-
L-inkurunament ta' Lwiġi XIII fis-17 ta' Ottubru 1610.
-
Il-purċissjoni tal-inkurunament ta' Lwiġi XV (1724).
-
L-inkurunament ta' Lwiġi XVI (1775).
Seklu 19
Meta reġgħet lura l-monarkija Franċiża wara l-waqgħa ta' Napuljun, il-prattika tal-inkurunamenti rjali fil-Katidral ta' Reims issoktat, iżda għal ftit biss. L-aħħar re ta' Franza li ġie inkurunat hemmhekk kien Karlu X fl-1825. Ir-renju tiegħu kien tassew mhux popolari. Huwa tneħħa fir-Rivoluzzjoni tal-1830 u ġie sostitwit b'monarkija kostituzzjonali, Lwiġi Filippu I, li ħa l-ġurament fil-Parlament ta' Pariġi minflok ġie inkurunat f'Reims.[41]
Sensiela ta' proġetti ta' restawr twettqu iktar 'il quddiem fis-seklu 19, u ffukaw l-ewwel fuq is-saqaf forfċi u fuq l-istatwi tal-faċċata tal-Punent (1826-1830), u mbagħad fuq il-galleriji ta' fuq, it-twieqi u t-torrijiet (1845-1860), taħt Jean-Jacques Arveuf. Fl-1860 dan l-arkitett ġie sostitwit b'Eugène Viollet-le-Duc, li mmodifika l-gallerija tal-kor u l-apsida u għamilhom iktar qrib id-dehra Medjevali oriġinali tagħhom. Warajh komplew żewġ arkitetti oħra, Eugene Millet u Victor Ruprich-Robert, li ma ħasbuhiex darbtejn biex jirrimudellaw il-galleriji tan-navata bi stil Gotiku iktar immaġinattiv. Fl-1888 minflok dawn l-arkitetti laħqu Denis Darcy u Paul Gout, li segwew iktar mill-qrib l-arkitettura storika, b'mod partikolari fir-restawr tar-rużun tal-faċċata tal-Punent.[42]
-
L-inkurunament ta' Karlu X ta' Franza f'Reims fl-1825 ta' François Gérard.
-
Ir-restawr tal-Katidral ta' Reims fl-1845, ta' Adrien Dauzats.
Seklu 20 – l-Ewwel Gwerra Dinjija u restawr
Meta faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-katidral ġie kkonvertit fi sptar, u t-truppi u l-armi tneħħew minn qribu.[43][44] Fl-4 ta' Settembru 1914, it-XII-il Korp Sassonu wasal fil-belt u iktar tard dakinhar l-Armata Ġermaniża Imperjali bdiet tibbumbardja l-belt. L-artillerija, li kienet tinsab seba' kilometri (4.3 mili) 'il bogħod f'Les Mesneux, waqfet tispara meta it-XII-il Korp Sassonu bagħat żewġ uffiċjali u impjegat mill-belt biex jitolbuhom jieqfu milli jibbumbardjaw il-belt.[45]
Fit-12 ta' Settembru, l-Armata Ġermaniża li kienet qed tokkupa l-belt iddeċidiet tqiegħed il-midruba tagħha fil-katidral wara protesti ta' Maurice Landrieux[46], u 15,000 munzell tiben tqiegħdu mal-art tal-katidral għal dan l-iskop. L-għada, is-suldati Franċiżi taħt il-Ġeneral Franchet d'Esperey reġgħu daħlu fil-belt, iżda l-Ġermaniżi midruba tħallew fil-katidral.[47]
Sitt ijiem wara, il-palazz tal-isqof intlaqat mill-bumbardamenti, u nqatlu tlieta u ndarbu 15-il ruħ.[48] Fit-18 ta' Settembru beda bumbardament twil u fid-19 ta' Settembru l-bumbardamenti laqtu l-"foresta" ta' zkuk tal-injam taħt is-saqaf miksi biċ-ċomb, u b'hekk is-saqaf ħa n-nar u nqered għalkollox. Il-qniepen dabu, it-twieqi splodew, u l-iskulturi u partijiet mill-ħitan ġarrbu ħsarat estensivi. Iċ-ċomb tas-saqaf dab u qattar miż-żennuni tal-ħluq tal-gargoyles tal-ġebel, u b'hekk ikkawżaw ħsara lill-palazz tal-isqof mehmuż mal-katidral. Ritratti tal-katidral imġarraf intwerew matul il-gwerra mill-Franċiżi rrabjati, li akkużaw lill-Ġermaniżi li kienu qed jeqirdu l-binjiet tal-wirt nazzjonali u kulturali apposta[49], filwaqt li l-propaganda Ġermaniża sostniet li l-mewt tal-priġunieri kienet tort tal-Franċiżi, li ppuntaw l-armi kontrihom u ma ħallewhomx jaħarbu min-nirien.[50] Il-binja mġarrfa tal-katidral baqgħet tintlaqat mill-bumbardamenti għal diversi snin, minkejja t-talbiet ripetuti tal-Papa Benedittu XV.[51]
Fl-aħħar tal-gwerra, ġie propost li l-katidral jinżamm fl-istat imġarraf li kien bħala monument għall-vittmi tal-gwerra, iżda din l-idea finalment ma ġietx aċċettata. Fl-1919 inbeda proġett kbir ta' restawr, immexxi minn Henri Deneux, l-arkitett prinċipali li kien jieħu ħsieb il-monumenti storiċi Franċiżi. Ir-restawr irċieva finanjamenti kbar mill-Fondazzjoni Rockefeller, u xi kultant intużaw tekniki u materjali moderni, inkluż konkos rinfurzat, biex tissaħħaħ l-istruttura. Fis-snin 20 tas-seklu 20, il-pedamenti tal-knisja ta' qabel mill-perjodu Karolinġju ġew skoperti taħt il-katidral u ġew skavati. Ix-xogħol tlesta u l-katidral reġa' nfetaħ fl-1938.[13]
-
Il-katidral wara l-bumbardamenti (1914).
-
Il-katidral, mingħajr is-saqaf tiegħu, wara l-bumbardamenti.
-
Il-katidral fuq ġewwa wara l-bumbardamenti.
Ix-xogħol ta' restawr fuq il-knisja kompla wara l-1938, sabiex tissewwa l-ħsara kkawżata mill-gwerra u mit-tniġġis. Fl-1955 Georges Saupique għamel kopja tal-Inkurunament tal-Madonna, li wieħed jista' jara fuq id-daħla tal-katidral u flimkien ma' Louis Leygue wettaq kopji tal-iskulturi l-oħra tal-faċċata tal-katidral. Huwa ħoloq ukoll statwa ta' San Tumas għat-torri tat-Tramuntana.
Mill-1967, bosta mill-istatwi fuq barra, bħal dik tal-anġlu jitbissem, tneħħew u tpoġġew fuq ġewwa tal-Palazz ta' Tau għall-protezzjoni, u ġew sostitwiti b'kopji.
Ir-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja ġiet formalizzata simbolikament f'Lulju 1962 mill-President Franċiż Charles de Gaulle u mill-Kanċillier Ġermaniż Konrad Adenauer, fejn, fl-1914, l-Armata Ġermaniża Imperjali bbumbardjat il-katidral apposta sabiex il-moral tal-Franċiżi jbatti.[52]
Il-Katidral ta' Reims, l-eks Abbazija ta' San Remi u l-Palazz ta' Tau tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]
Fl-74 Żjara Pastorali tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II żar il-Katidral ta' Reims nhar is-26 ta' Settembru 1996 għall-1,500 anniversarju tal-magħmudija ta' Clovis.[53] Meta kien hemm, il-Papa talab fl-istess kappella fejn Jean-Baptiste de La Salle kien iċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu fl-1678.[54]
Fit-8 ta' Ottubru 2016, plakka bl-ismijiet tal-31 re inkurunati fil-Katidral ta' Reims tpoġġiet fil-katidral fil-preżenza tal-arċisqof Thierry Jordan u l-Prinċep Louis-Alphonse, id-Duka ta' Anjou, wieħed mill-bosta eredi għat-tron Franċiż.
Kronoloġija tal-Katidral ta' Reims
- Għall-ħabta tal-250-300 - San Sestu ta' Reims ġie rreġistrat bħala l-ewwel isqof ta' Reims;[55]
- 314 - il-Katidral tal-Appostli Mqaddsa, mibni mill-Isqof Bétause, irreġistrat fis-sit tal-Knisja ta' San Symphorien;
- 420 - l-Isqof Nicasius bena katidral ġdid, iddedikat lill-Madonna, fis-sit attwali;
- 496 - Clovis ir-Re tal-Franki jiġi mgħammed mill-Isqof Remi;
- 816 - ir-Re Lwiġi d-Devot jiġi inkurunat fil-katidral;
- 848 - tibda l-kostruzzjoni tal-katidral il-ġdid;
- 862 - il-konsagrazzjoni tal-katidral il-ġdid;
- 1140-1160 - l-Arċisqof Sansun jibni mill-ġdid il-faċċata tal-Punent u l-kor;
- 1208 - titpoġġa l-ewwel ġebla tal-katidral il-ġdid mill-Arċisqof Aubry de Humbert;
- 1241 - tlestija tal-kor, tal-apsida, tal-parti tal-Lvant tan-navata, tal-portal tat-Tramuntana u l-biċċa l-kbira tat-transett;
- 1252 - tiġi akkwistata l-art għall-faċċata l-ġdida tal-Punent;
- 1299 - tlestija tas-saqaf tan-navata;
- 1300-1350 - tinbena l-Gallerija tar-Rejiet;
- 1430-1460 - il-kostruzzjoni tat-torrijiet ta' fuq tal-faċċata tal-Punent;
- 1481 - in-nirien jeqirdu s-saqaf u l-ispira tat-transett;
- 1504 - it-tlestija tar-rikostruzzjoni wara n-nirien;
- 1580 - ir-rużun tan-Nofsinhar jinqered minn uragan;
- 1611 - ir-restawr tal-portali tal-Punent;
- 1737 - it-tiswija tal-iskulturi u tal-faċċata tal-Punent;
- 1741–1749 - it-tneħħija tal-għamara Medjevali u tiżjin mill-ġdid bl-istil Klassiku;
- 1793 - matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, insteraq it-teżor tal-katidral, u l-katidral ġie kkonvertit f'maħżen tal-għalf tal-annimali;
- 1825–1830 - ir-restawr tal-portali tal-Punent;
- 1845–1860 - ir-restawr tal-parti ta' fuq tal-knisja u tat-torrijiet;
- 1850–1879 - l-apsida ġiet irrestawrata minn Eugène Viollet-le-Duc;
- 1875–1880 - ir-restawr tal-galleriji tan-navata;
- 1914–1918 - il-katidral, qrib il-trunċieri tal-Ewwel Gwerra Dinjija, intlaqat minn iktar minn tliet mitt bumbardament tal-artillerija;
- 1918–1937 - it-tiswija tad-danni kkawżati mill-gwerra u skavi arkeoloġiċi ġodda;
- 1962 - il-President Charles de Gaulle u l-Kanċillier Ġermaniż Konrad Adenauer jikkommemoraw ir-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja fil-Katidral;
- 1986 - jitlesta r-restawr tal-portal tat-Tramuntana;
- 1996 - il-Papa Ġwanni Pawlu II jikkommemora l-1,500 anniversarju tal-magħmudija ta' Clovis fil-katidral;[56]
- 2011 - inbeda r-restawr tal-portali tal-Punent;
- 2014 - inbeda r-restawr tar-rużun tal-faċċata tal-Punent.
Sit ta' Wirt Dinji
Il-Katidral ta' Reims, l-Eks Abbazija ta' San Rémi u l-Palazz ta' Tau f'Reims ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Pjanta
-
Apse (left), transept (centre), nave and west front (right)
-
Plan of the cathedral
Gallerija
-
Il-Katidral ta' Reims ta' Domenico Quaglio ż-Żgħir.
-
It-torri tat-Tramuntana.
-
Ir-rużuni tal-faċċata tal-Punent.
-
Ir-rużun tal-Punent fuq ġewwa.
-
L-orgni tal-katidral.
-
L-artal ċentrali.
-
Il-ħġieġ ikkulurit fin-naħa tal-Punent tal-korsija tat-Tramuntana.
-
Il-Katidral ta' Reims billejl fir-Rêve de couleurs.
-
Dettall tas-saqaf tal-katidral.
-
L-istruttura ta' appoġġ tas-saqaf tal-katidral.
-
Il-labirint tal-katidral.
-
Lapida fil-pavimentar tan-navata tal-katidral li tfakkar il-magħmudija ta' Clovis minn San Remi.
-
Il-faċċata prinċipali.
-
L-ambone b'għamla ta' ajkla tad-deheb.
-
It-tpinġija ta' Villard de Honnecourt ta' riffieda fil-Katidral ta' Reims, għall-ħabta tas-snin 30 tas-seklu 13 fil-Bibljoteka Nazzjonali ta' Franza.
-
Denfil tal-katidral b'pinnaklu u bi statwa.
-
Lapida li tfakkar l-Ewwel Gwerra Dinjija.
-
Gargoyle fil-faċċata tal-Punent.
Referenzi
- ^ Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 23.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Cathedral of Notre-Dame, Former Abbey of Saint-Rémi and Palace of Tau, Reims". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-19.
- ^ Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 8.
- ^ Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 11.
- ^ Sadler, Donna L. (2017). Reading the Reverse of Façade of Reims: Royalty and Ritual in Thirteenth-Century France. Routledge. ISBN 978-1351552165. p. 17.
- ^ Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 10.
- ^ Lambert, Élie (1959). "La cathédrale de Reims et les cathédrales qui l'ont précédée sur le même emplacement". Comptes-rendus des Séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres. 103 (2): 241–250. p. 244.
- ^ Bourassé, Jean-Jacques (1872). Les plus belles cathédrales de France. A. Mame et fils. p. 45.
- ^ Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. pp. 11-12.
- ^ Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 10.
- ^ Demouy, Patrick (Mejju 2011). "Genèse d'une cathédrale royale". Historia. p. 9.
- ^ Bordonove, Georges (1988). Clovis et les Mérovingiens. Pygmalion. ISBN 2857042825. p. 97.
- ^ a b Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 13.
- ^ Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 12.
- ^ Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 14.
- ^ Barral i Altet, Xavier (1987). Le Paysage monumental de la France autour de l'an mil: avec un appendice Catalogne. Picard. ISBN 2708403370. p. 105.
- ^ McLaughlin, Megan (2010). Sex, Gender, and Episcopal Authority in an Age of Reform, 1000–1122. Cambridge University Press. ISBN 978-0521870054. p. 56.
- ^ Robinson, I. S. (1990). The Papacy, 1073–1198: Continuity and Innovation. Cambridge University Press. ISBN 9781139167772. pp. 22, 135.
- ^ Brown, Elizabeth A. R. (1992). "Franks, Burgundians, and Aquitanians" and the Royal Coronation Ceremony in France. The American Philosophical Society. ISBN 978-0871698278. p. 43.
- ^ Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 14.
- ^ Lambert, Élie (1959). "La cathédrale de Reims et les cathédrales qui l'ont précédée sur le même emplacement". Comptes-rendus des Séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres. 103 (2): 241–250. doi:10.3406/crai.1959.11054. p. 224.
- ^ Demouy, Patrick (May 2011). "Genèse d'une cathédrale royale". Historia. p. 10.
- ^ Branner, Robert (Jannar 1961). "Historical Aspects of the Reconstruction of Reims Cathedral, 1210–1241". Speculum. 36 (1): 23–37. p. 23.
- ^ Lillich, Meredith Parsons (2011). The Gothic Stained Glass of Reims Cathedral. Penn State University Press. ISBN 978-0271037776. p. 1.
- ^ Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 17.
- ^ Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. pp. 17-19.
- ^ a b Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 19.
- ^ P. Frankl / P. Crossley, Gothic Architecture, Yale University Press, 2001 (edizzjoni reveduta), p. 322; in-noti 10-14.
- ^ Raguin, Virginia Chieffo; Brush, Kathryn; Draper, Peter (1995). Artistic Integration in Early Gothic Churches. University of Toronto Press. ISBN 9780802074775. pp. 214-235.
- ^ Branner, Robert (Jannar 1961). "Historical Aspects of the Reconstruction of Reims Cathedral, 1210–1241". Speculum. 36 (1): 23–37. p. 36.
- ^ Branner, Robert (1962). "The Labyrinth of Reims Cathedral". Journal of the Society of Architectural Historians. 21 (1). pp. 18-25.
- ^ Jordan, William Chester (2005). Unceasing Strife, Unending Fear: Jacques de Therines and the Freedom of the Church in the Age of the Last Capetians. Princeton University Press. ISBN 978-0691121208. p. 69.
- ^ Prestwich, Michael (1999). Armies and Warfare in the Middle Ages: The English Experience. Yale University Press. p. 301.
- ^ Sumption, Jonathan (2009). The Hundred Years War: Divided Houses. Vol. III. University of Pennsylvania Press. ISBN 9780571138975. pp. 397, 665-666.
- ^ Santosuosso, Antonio (2004). Barbarians, Marauders, and Infidels. MJF Books. ISBN 978-0813391533. pp. 245-246.
- ^ Tucker, Spencer C. (2010). A Global Chronology of Conflict: From the Ancient World to the Modern Middle East. ABC-CLIO. ISBN 978-1-85109-672-5. pp. 333-335.
- ^ Thevet, André (2010). Benson, Edward; Schlesinger, Roger (eds.). Portraits from the French Renaissance and the Wars of Religion. Truman State University Press. ISBN 9781931112987. pp. 24-25.
- ^ Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 20.
- ^ Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 20.
- ^ Souchal, François (1993). Le Vandalisme de la Révolution. Nouvelles Éditions latines. ISBN 9782723304764. pp. 61, 68.
- ^ Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 27.
- ^ Auzas, Pierre-Marie (1982). Actes du Colloque international Viollet-le-Duc, Paris, 1980. Nouvelles Éditions latines. ISBN 9782723301763. p. 158.
- ^ Rubin, Richard (2015-12-04). "The Legend and Lore of Notre-Dame de Reims" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-20.
- ^ "Reims Cathedral Burns". Mental Floss (bl-Ingliż). 2014-09-19. Miġbur 2022-12-20.
- ^ Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. p. 13.
- ^ Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. p. 22.
- ^ Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. pp. 23-24.
- ^ Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. p. 28.
- ^ Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. pp. 14-17.
- ^ Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. p. 48.
- ^ Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. pp. 144-148.
- ^ Auzias, Dominique; Labourdette, Jean-Paul (2011). Le Petit Futé Champagne-Ardenne. Le Petit Futé. ISBN 978-2746935181. p. 14.
- ^ Diblik, Jean (1998). Reims: Comment lire une cathédrale. Editions d'art et d'histoire ARHIS. ISBN 2906755133. p. 7.
- ^ footstepsadmin. "Reims Cathedral" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-20.
- ^ Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 92.
- ^ Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 93.