Bardejov
Bardejov | |||
---|---|---|---|
Slovakkja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Slovakkja | ||
Region of Slovakia | Prešov Region (en) | ||
District of Slovakia | Bardejov District (en) | ||
Kap tal-Gvern | Boris Hanuščak (en) | ||
Isem uffiċjali | Bardejov | ||
Ismijiet oriġinali | Bardejov | ||
Kodiċi postali |
085 01 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 49°17′42″N 21°16′33″E / 49.295°N 21.2758°EKoordinati: 49°17′42″N 21°16′33″E / 49.295°N 21.2758°E | ||
Superfiċjenti | 72.39 kilometru kwadru | ||
Għoli | 323 m | ||
Fruntieri ma' | Zborov (en) , Andrejová (en) , Beloveža (en) , Komárov (en) , Lukavica (en) , Kľušov (en) , Richvald (en) , Mokroluh (en) , Zlaté (en) u Stebník (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 30,267 abitanti (1 Jannar 2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Fondazzjoni | 1241 (Gregorian) | ||
Kodiċi tat-telefon |
054 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Calais, Mahilioŭ (mul) , Ashtabula (en) , Sremski Karlovci (en) , Molde Municipality (en) , Montemarciano (en) , Česká Lípa (en) , Gorlice (en) , Jasło (en) , Krynica-Zdrój (en) , Mikulov (en) , Přerov (en) , Tiachiv (en) , Zamośću Kaštela (en) | ||
bardejov.sk |
Bardejov (bl-Ungeriż: Bártfa, bil-Ġermaniż: Bartfeld, bir-Russu: Бардеёв, bl-Ukren: Бардіїв) huwa raħal fil-Grigal tas-Slovakkja. Ir-raħal jinsab fir-reġjun ta’ Šariš fi pjanura fejn tfur ix-xmara Topľa, fl-għoljiet taż-żona muntanjuża ta’ Beskyd. Ir-raħal fih diversi monumenti kulturali fiċ-ċentru storiku Medjevali li hu kompletament intatt. Ir-raħal huwa mniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO[1] u attwalment fih popolazzjoni ta’ madwar 32,000 abitant.
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm żewġ teoriji dwar l-oriġini tal-isem. Skont teorija minnhom, isem ir-raħal ġej mill-kelma Ungeriża "bárd" li tfisser “mannara żgħira”, li kienet tindika ammont ta’ territorju forestali li seta’ jiġi maqtugħ minn raġel wieħed f’jum wieħed. Fl-isem tar-raħal bl-Ungeriż (Bártfa), is-suffiss "-fa", li jfisser “siġra” żdied iktar ’il quddiem, u nbidlet ukoll l-aħħar ittra ta’ "bárd" għal "bárt", biex titħaffef il-pronunzja.
It-teorija l-oħra ssostni li isem ir-raħal ġej minn isem proprju Kristjan, Barděj, Barduj (il-forom imqassra ta’ Bartolomew) biż-żieda tas-suffiss possessiv Slav komuni “-ov”. Din it-teorija hija appoġġata mill-ewwel forma rreġistrata tal-isem tar-raħal – Bardujef – fl-1241. It-teorija tal-isem proprju hija appoġġata wkoll mill-preżenza tas-suffiss ippreservat f’sorsi Pollakki jew Slovakki iktar ’il quddiem.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]It-territorju tar-raħal ta’ Bardejov kif inhu llum attira insedjaturi minn Żmien in-Neolitiċi. Madankollu, l-ewwel referenza bil-miktub għar-raħal tmur lura għas-snin 40 tas-seklu 13, meta patrijiet minn Bardejov ilmentaw lir-Re Béla IV tal-Ungerija li kien hemm ksur tal-fruntieri tar-raħal min-naħa ta’ Prešov. Dak iż-żmien, il-knisja importanti ta’ San Eġidju kienet diġà nbniet. Fis-seklu 14 ir-raħal ġie ffortifikat sew, ladarba kien sar ċentru ta’ kummerċ mal-Polonja. Iktar minn 50 xirka kienu jikkontrollaw l-ekonomija li kienet qed tiffjorixxi. Bardejov kiseb l-istatus ta’ raħal irjali fl-1376, u iktar ’il quddiem sar raħal irjali ħieles. L-aqwa perjodu tar-raħal intemm fis-seklu 16, meta bosta gwerer, pandemiji u diżastri oħra fnew il-pajjiż.[1]
Fil-bidu tal-ewwel kwart tas-seklu 18, is-sitwazzjoni bdiet titjieb. Numri kbar ta’ Slovakki u ta’ Lhud Ħasidiċi ġew f’Bardejov bi ħġarhom. Sal-aħħar tas-seklu, il-popolazzjoni tar-raħal kienet reġgħet laħqet il-livell tas-seklu 16. Id-djar tal-borgeżija reġgħu nbnew jew ġew immodifikati skont il-moda arkitettonika ta’ dak iż-żmien. Fis-subborgi tal-Majjistral tar-raħal żviluppa kwartier Lhudi b’sinagoga, biċċerija u banjijiet għar-riti reliġjużi. Barra minn hekk, inbnew knejjes u pontijiet ġodda wkoll.
Matul ir-Riformazzjoni, Michal Radašin inħatar bħala l-pastor tar-raħal.
Minkejja diversi nirien li ħakmu r-raħal fl-aħħar kwart tas-seklu 19, ir-raħal kompla jistagħna bis-saħħa ta’ proġetti kbar ta’ industrijalizzazzjoni fir-reġjun. Fl-1893, infetħet linja ferrovjarja li kienet tikkollega lil Prešov ma’ Bardejov. Madankollu, ir-raħal reġa’ qabad it-triq tan-niżla mill-ġdid wara l-istabbiliment tal-ewwel Repubblika Ċekoslovakka u sar reġjun agrikolu arretrat. It-Tieni Gwerra Dinjija wasslet biex is-sitwazzjoni ekonomika terġa’ tmur għall-agħar, għalkemm ir-raħal ħelisha ħafif mill-ibbumbardjar. Bardejov ittieħed mit-truppi Sovjetiċi tal-ewwel Armata tal-Gwardji fl-20 ta’ Jannar 1945.[3]
Fl-1950, Bardejov ġie ddikjarat ċentru storiku protett u beda jsir restawr estensiv tal-wirt kulturali tiegħu. Dawn l-isforzi wasslu biex Bardejov jirċievi l-Medalja tad-Deheb Ewropea mill-Bord Internazzjonali tal-Fiduċjarji f’Hamburg fl-1986 – l-ewwel raħal fiċ-Ċekoslovakkja li qatt irċieva dan il-premju.[3] Fl-20 ta’ Novembru 2000, Bardejov tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO għall-kundizzjoni tajba taċ-ċentru storiku u tas-subborgi Lhud tar-raħal. F’Novembru 2010, ir-raħal iċċelebra l-għaxar snin anniversarju minn meta tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Illum il-ġurnata Bardejov huwa magħruf l-iktar għall-pjazza prinċipali taċ-ċentru storiku awtentiku tiegħu, li bis-saħħa tar-restawr u tal-preservazzjoni estensivi tal-arkitettura Medjevali, Rinaxximentali u Gotika tiegħu r-raħal sar destinazzjoni turistika popolari. Ir-raħal isejjes l-iżvilupp ulterjuri tat-tradizzjonijiet kulturali tiegħu fuq il-wirt kulturali rikk tiegħu, u kull sena tiġi organizzata fiera kummerċjali u l-Logħob ta’ Roland (li jikkommemoraw l-imgħoddi Medjevali tar-raħal).[3]
Bħal ħafna rħula żgħar Ewropej, Bardejov kellu popolazzjoni qawwija ta’ Lhud qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Olokawst, kif ukoll popolazzjoni li titkellem bil-Ġermaniż li tkeċċiet wara l-1945, għalkemm kien għad baqa’ għadd żgħir ta’ ċittadini li jitkellmu bil-Ġermaniż.
F’Marzu 2006, il-Kumitat tal-Preservazzjoni tal-Lhud ta’ Bardejov ġie stabbilit bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ minn Emil Fish, li baqa’ ħaj mill-kamp ta’ konċentrament ta’ Bergen-Belsen li kien twieled f’Bardejov.[4] F’Lulju 2005, Emil Fish irritorna lejn Bardejov ma’ martu u ibnu għall-ewwel darba mill-1949. Ir-rispons tiegħu għat-telqa u d-dilapidazzjoni tas-sinagogi u taċ-ċimiterju Lhudi kienet wegħda li jerġa’ jirrestawrhom u jippreservahom. Il-kumitat huwa magħmul min-nies minn Bardejov li baqgħu ħajjin wara l-kampijiet tal-konċentrament, mid-dixxendenti u mill-ħbieb tagħhom, u minn oħrajn li juru interess fil-kommemorazzjoni tal-komunitajiet tal-Lhud li għebu fl-Ewropa tal-Lvant. Il-missjoni ddikjarata tal-kumitat illum il-ġurnata hu li: “jirrestawraw il-proprjetajiet Lhud ta’ Bardejov, is-Slovakkja”; “irawmu kuxjenza dwar l-importanza kulturali u storika tal-ħajja tal-Lhud f’Bardejov u fis-Slovakkja”; u “iżidu l-għarfien dwar l-antenati Lhud u l-wirt tagħhom”.[4]
Attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]F’Bardejov, il-Knisja monumentali ta’ San Eġidju tiddomina r-raħal, u tissemma għall-ewwel darba fl-1247. Fl-1464 tlestiet bażilika bi tliet navati u diversi kappelli. Il-knisja fiha ħdax-il artal Gotiku prezzjuż b’panewijiet bil-pitturi. Il-pjazza ċentrali (bis-Slovakk: Radničné námestie), li kienet tintuża għas-suq Medjevali tar-raħal, hija mdawra bi djar Gotiċi u Rinaxximentali tal-borgeżija li baqgħu ppreservati tajjeb ħafna u bil-bażilika.[5]
Waħda mill-iktar binjiet interessanti hija l-binja tal-muniċipju, li nbniet fl-1505. Il-parti t’isfel inbniet bi stil Gotiku, filwaqt li l-parti ta’ fuq inbniet bi stil Rinaxximentali. Din il-binja kienet is-sede tal-kunsill lokali tar-raħal u kienet ukoll iċ-ċentru tal-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali tar-raħal. Fl-1903, il-binja tal-muniċipju ġiet adattata u saret tintuża bħala l-Mużew tal-Kontea ta’ Šariš (Sárosi múzeum), wieħed mill-eqdem u l-ikbar mużewijiet fis-Slovakkja.[5]
Is-sistema tal-fortifikazzjonijiet u s-swar tar-raħal imorru lura għas-sekli 14 u 15 u huma elenkati fil-Fond Ewropew għall-Wirt Kulturali bħala wħud mill-iktar fortifikazzjonijiet Medjevali elaborati u ppreservati tajjeb fis-Slovakkja.
Xi 2.5 kilometri fit-Tramuntana ta’ Bardejov hemm il-kwartier tal-ispa ta’ Bardejovské Kúpele. Jingħad li l-fawwara tal-ilma minerali terapewtiku huma ta’ benefiċċju għan-nies bi problemi onkoloġiċi, fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm, u fl-apparat diġestiv. Jospita wkoll mużew tal-arkitettura folkloristika fil-beraħ (skansen). L-ispa laqa’ għadd ta’ dinjitarji, fosthom Marie Louise, id-Dukessa ta’ Parma (il-mara ta’ Napuljun Bonaparte), il-Kżar Alessandru I tar-Russja u l-Imperatriċi Eliżabetta tal-Awstrija/tal-Ungerija.[6]
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-raħal kollu ta’ Bardejov ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 bit-titlu ta’ “Riżerva ta’ Konservazzjoni tar-Raħal ta’ Bardejov.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]
Kwartieri
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-raħal huwa magħmul mill-kwartieri li ġejjin:
- Bardejov
- Bardejovská Nová Ves
- Bardejovská Zábava
- Bardejovské Kúpele (spa lokali)[6]
- Dlhá Lúka (anness fl-1971)
- Mihaľov
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Bardejov għandu popolazzjoni ta’ 33,020 ruħ (sal-31 ta’ Diċembru 2010). Skont iċ-ċensiment tal-2001, 91.3 % tal-abitanti kienu Slovakki, 2.6 % kienu Rumeni, 2.5 % kienu Russi, u 1.4 % kienu Ukreni. It-taħlita reliġjuża kienet kif ġej: 63.2 % kienu Kattoliċi Rumani, 16.9 % kienu Kattoliċi Griegi, 7.6 % kienu Luterani u 4.3 % kienu Ortodossi tal-Lvant.[7]
Skont iċ-ċensiment tal-1910, ir-raħal kellu 2,571 abitant Slovakk, 2,179 abitant Ungeriż u 1,617 abitant Ġermaniż.
Il-Lhud għexu fir-raħal għal madwar 300 sena. Fis-snin 20 tas-seklu 20, il-Lhud kienu jirrappreżentaw 34 % tal-popolazzjoni totali ta’ Bardejov. Fl-1942, meta s-Slovakkja kienet taħt l-influwenza tal-Ġermanja Nażista, iktar minn 3,000 Lhud minn Bardejov ġew deportati lejn il-kampijiet tal-konċentrament, fejn il-biċċa l-kbira nqatlu. Bardejov issa huwa “raħal mingħajr Lhud”.[8] Fil-Grigal tar-raħal kien hemm insedjament b’maġġoranza Ungeriża sa żmien il-gwerer Ottomani qrib il-fruntiera mal-Polonja.
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Kéler Béla (1820-1882) – kompożitur Ungeriż magħruf l-iktar għal Erinnerung an Bartfeld csárdás
- Radoslav Rochallyi (twieled 1980) – kittieb
- Jack Garfein (trabba f’Bardejov fis-snin 30 u fil-bidu tas-snin 40 tas-seklu 20) – direttur tal-films
Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Bardejov huwa ġemellat ma’:[9][10]
- Calais, Franza
- Česká Lípa, ir-Repubblika Ċeka
- Gorlice, il-Polonja
- Jasło, il-Polonja
- Kaštela, il-Kroazja
- Krynica-Zdrój, il-Polonja
- Mikulov, ir-Repubblika Ċeka
- Mogilev, il-Belarussja
- Molde, in-Norveġja
- Muszyna, il-Polonja
- Přerov, ir-Repubblika Ċeka
- Sárospatak, l-Ungerija
- Sremski Karlovci, is-Serbja
- Suzdal, ir-Russja
- Tiachiv, l-Ukrajna
- Zamość, il-Polonja
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Bardejov Town Conservation Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.
- ^ Štefánik, Martin; Lukačka, Ján, eds. (2010). Lexikón stredovekých miest na Slovensku [Lexicon of Medieval Towns in Slovakia] (bis-Slovakk u bl-Ingliż). Bratislava: Historický ústav SAV. pp. 79, 97. ISBN 978-80-89396-11-5.
- ^ a b ċ "Restoration - Bardejov Jewish Preservation Committee" (bl-Ingliż). 2021-02-24. Miġbur 2021-05-08.
- ^ a b "Who We Are - Bardejov Jewish Preservation Committee" (bl-Ingliż). 2021-02-23. Miġbur 2021-05-08.
- ^ a b Między Gorlicami a Bardejowem. Bardejov: Hercule Society, Society for Development of Higher Šariš, Adrian Ondoš. 2003. p. 48. ISBN 80-969004-1-2.
- ^ a b "Spa of Bardejov - Slovakia.travel". slovakia.travel. Miġbur 2021-05-08.
- ^ ""Municipal Statistics". Statistical Office of the Slovak Republic". web.archive.org. 2007-04-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-11-16. Miġbur 2021-05-08.
- ^ "Bardejov Jewish History" (bl-Ingliż). 2021-02-24. Miġbur 2021-05-08.
- ^ "Mesto Bardejov - Partnerské mestá". www.bardejov.sk. Miġbur 2021-05-08.
- ^ "Partnerské mestá Bardejova a COVID-19 – iBardejov.sk" (bl-Islovakk). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-17. Miġbur 2021-05-08.