Aqbeż għall-kontentut

Dar ta’ Rietveld Schröder

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-Dar ta’ Rietveld Schröder

Id-Dar ta’ Rietveld Schröder (bl-Olandiż: Rietveld Schröderhuis) f’Utrecht (Prins Hendriklaan 50), in-Netherlands, inbniet fl-1924 mill-arkitett Olandiż Gerrit Rietveld għas-Sinjura Truus Schröder-Schräder u tliet ulied tagħha.[1]

Hija kkummissjonat id-dar biex preferibbilment tinbena mingħajr ħitan. Kemm Rietveld kif ukoll Schröder kienu jħaddnu ideali progressivi li kienu jinkludu “impenn sod favur ftuħ ġdid fir-rigward tar-relazzjonijiet fi ħdan il-familji tagħhom stess u fir-rigward tal-verità fil-ħajja emozzjonali tagħhom. In-nozzjonijiet bourgeois tar-rispett u tas-sjieda, bl-enfasi tagħhom fuq id-dixxiplina, il-ġerarkija u trażżin kienu jiġu eliminati permezz tad-disinn arkitettoniku li kien jikkuntrasta kull wieħed minn dawn l-aspetti b’mod konxju u sistematiku”.[2] Rietveld ħadem spalla ma’ spalla ma’ Schröder-Schräder biex joħloq id-dar. Huwa fassal l-ewwel disinn possibbli għall-binja, iżda Schröder-Schrader ma kinitx kuntenta. Hi kellha f’moħħha dar li kienet ħielsa mill-assoċjazzjoni u li setgħet toħloq konnessjoni bejn ġewwa u barra. Id-dar hija waħda mill-aqwa eżempji magħrufa tal-arkitettura De Stijl u x’aktarx li hija l-unika binja li hija tassew verament bl-istil De Stijl. Is-Sinjura Schröder għexet fid-dar sa mewta fl-1985. Id-dar ġiet irrestawrata minn Bertus Mulder u issa hija mużew miftuħ għaż-żjarat flimkien ma’ gwida, immexxi mis-Centraal Museum. Id-dar ilha monument elenkat mill-1976[1] u Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO mis-sena 2000.[3]

Mudell tad-Dar ta’ Rietveld Schröder

Id-Dar ta’ Rietveld Schröder minn ġewwa u minn barra tirrappreżenta bidla radikali mal-arkitettura kollha ta’ qabilha. Id-dar fiha żewġ sulari u tinsab f’Utrecht, fi tmiem terrazzin, iżda ma tagħmel l-ebda tentattiv biex toħloq rabta mal-binjiet tal-madwar (għalkemm tikkondividi ħajt estern mal-aħħar dar fit-terrazzin). Id-dar tħares lejn awtostrada li nbniet fis-snin 60 tas-seklu 20.[4]

Fuq ġewwa tad-dar ma hemm l-ebda akkumulu statiku ta’ kmamar. Minflok hemm żona miftuħa dinamika u li tista’ tinbidel skont il-bżonn u l-gosti. Il-pjan terran xorta waħda jista’ jitqies bħala tradizzjonali; irranġati madwar taraġ ċentrali hemm kċina u tliet kmamar tas-sodda jew salotti. Barra minn hekk, id-dar kienet tinkludi garaxx, xi ħaġa li kienet pjuttost stramba għaliex Truus ma kellhiex karozza. Is-sular ta’ fuq, iddikjarat bħala kamra tal-bejt biex jiġu ssodisfati r-regolamenti tal-awtoritajiet tal-ippjanar kontra n-nirien, fil-fatt jifforma żona miftuħa kbira għajr għal tojlit separat u kamra tal-banju. Rietveld ried iħalli s-sular ta’ fuq kif kien. Madankollu, is-Sinjura Schröder, ħasset li bħala spazju fejn wieħed jgħix fih kellu jkun possibbli li jintuża kemm bħala żona miftuħa kif ukoll bħala żona suddiviża. Dan inkiseb permezz ta’ sistema ta’ panewijiet jiżżerżqu u jduru. Is-Sinjura Schröder użat dawn il-panewijiet biex tiftaħ l-ispazju tat-tieni sular u b’hekk ikun hemm żona iktar miftuħa għaliha u għat-tfal tagħha, filwaqt li xorta jkollha l-possibbiltà li tagħlaq jew li tissepara l-kmamar jekk tkun trid. Ħajt li jiżżerżaq bejn din iż-żona u l-kamra tal-iben jibblokka armadju kif ukoll swiċċ tad-dawl. Għalhekk, tħejjiet fetħa għat-tond fi ħdan il-ħajt li jiżżerżaq. Permezz tas-suddiviżjonijiet kollha, dan is-sular jiġi jkun fih tliet kmamar tas-sodda, kamra tal-banju u salott. Bejn dawn is-suddiviżjonijiet u meta jitneħħew u jkun hemm spazju miftuħ, hemm varjetà wiesgħa ta’ possibbiltajiet ta’ ftuħ jew ta’ suddiviżjonijiet b’esperjenza ta’ spazju differenti.[4]

Ir-“rokna inviżibbli”

Il-faċċati huma ġabra ta’ pjani u linji b’komponenti separati minn xulxin apposta, u donnhom qegħdin f’pożizzjoni maġenb xulxin. B’hekk setgħu jitħejjew diversi gallariji. Bħas-Siġġu Aħmar u Blu ta’ Rietveld, kull komponent fid-dar għandu l-għamla, il-pożizzjoni u l-kulur tiegħu maħsub apposta. Il-kuluri ntgħażlu biex isaħħu l-plastiċità tal-faċċati; is-superfiċi bl-abjad u bi sfumaturi ta’ griż, il-gwarniċi tat-twieqi u tal-bibien bl-iswed, u għadd ta’ elementi lineari bil-kuluri primarji.

Hemm ftit distinzjoni bejn l-ispazju ta’ ġewwa u dak ta’ barra. Il-linji u l-pjani rettilineari għandhom fluss minn barra għal ġewwa, bl-istess għażla ta’ kuluri u superfiċi. Anke t-twieqi huma mqabbda b’tali mod biex ikunu jistgħu jinfetħu biss f’90 grad mal-ħajt, u b’hekk jippreservaw standards rigorużi tad-disinn fir-rigward tal-pjani ta’ intersezzjoni, u jkomplu jċajpru d-delinjament bejn barra u ġewwa.[4]

Inizjalment, Rietveld ried jibni d-dar bil-konkrit. Fl-aħħar mill-aħħar iżda l-ispiża kienet tkun għalja wisq għal binja żgħira bħal din. Għaldaqstant, il-pedamenti u l-gallariji kienu l-unika partijiet tal-binja li nbnew bil-konkrit. Il-ħitan inbnew bil-brikks u l-ġibs. Il-gwarniċi tat-twieqi u tal-bibien saru bl-injam flimkien mal-art/mas-saqaf ta’ kull sular, li ntrifdu b’xorok tal-injam. Sabiex il-binja tkun mirfuda sew, intużaw latti tal-azzar b’malji tal-wajers tal-azzar.

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-Siġġu Aħmar u Blu ta’ Rietveld

Il-Kumitat tal-Wirt Dinji ddeżinja d-Dar ta’ Rietveld Schröder bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fit-2 ta’ Diċembru 2000, matul l-24 sessjoni tiegħu li dik is-sena saret f’Cairns, l-Awstralja.[3]

Il-Kumitat irrikonoxxa l-valur universali straordinarju tas-sit abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; u l-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”.[3]

Barra minn hekk, il-Kumitat sostna li d-Dar ta’ Rietveld Schröder f’Utrecht huwa ikona tal-Moviment Modern fl-arkitettura u espressjoni straordinarja tal-kreattività tal-bniedem fil-purezza tal-ideat u tal-kunċetti li tħaddan kif żviluppati mill-moviment ta’ De Stijl. Il-Kumitat stqarr ukoll li permezz tal-approċċ radikali tagħha għad-disinn u għall-użu tal-ispazju, id-Dar ta’ Rietveld Schröder tokkupa pożizzjoni ewlenija fl-iżvilupp tal-arkitettura fl-era moderna.[3][4]

Ftit snin wara l-kostruzzjoni ta’ din il-binja, fl-1929 l-arkitett Pollakk Stanisław Brukalski bena d-dar tiegħu stess f’Varsavja x’aktarx ispirat mid-Dar ta’ Rietveld Schröder li huwa kien żar.[5] L-eżempju Pollakk tad-dar moderna ngħata midalja tal-bronż fl-Expo ta’ Pariġi fl-1937.

Kommemorazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-dar ġiet imfakkra fil-munita kommemorattiva ta’ żewġ ewro maħruġa miz-Zekka Olandiża Rjali fl-2013.[6]

  1. ^ a b "18329 Prins Hendriklaan 50 3583 EP te Utrecht". Rijksdienst voor het Cultureel Erfgoed (bl-Olandiż). 2017-12-06. Miġbur 2021-06-25.
  2. ^ Friedman, Alice T. (2006). Women and the Making of the Modern House: A Social and Architectural History. New Haven: Yale University Press. pp. 68-69.
  3. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Rietveld Schröderhuis (Rietveld Schröder House)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-25.
  4. ^ a b ċ d "Rietveld Schröder House – Unesco World Heritage in Utrecht". Rietveld Schröder House (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-25.
  5. ^ "Willa Barbary i Stanisława Brukalskich - Zabytek.pl". zabytek.pl (bil-Pollakk). Miġbur 2021-06-25.
  6. ^ Allnumis. ""Two new Netherlands Euro coins depicting Rietveld Schröder House"". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-09-26. Miġbur 2021-06-25.