Delta tad-Danubju
Id-Delta tad-Danubju (bir-Rumen: Delta Dunării, pronunzjata: [ˈdelta ˈdunərij]; bl-Ukren: Дельта Дунаю, b'ittri Rumani: Deľta Dunaju, pronunzjata: [delʲˈtɑ dʊnɐˈju]) hija t-tieni l-ikbar delta ta' xmara fl-Ewropa, wara d-Delta tal-Volga, u hija l-iżjed waħda ppreservata tajjeb fil-kontinent. Il-biċċa l-kbira tad-Delta tad-Danubju tinsab fir-Rumanija (il-Kontea ta' Tulcea), u parti żgħira tinsab fl-Ukrajna (l-Oblast ta' Odessa).[1][2] L-erja tagħha fil-wiċċ bejn wieħed u ieħor hija madwar 4,152 kilometru kwadru (1,603 mili kwadri), li minnhom 3,446 km2 (1,331 mil kwadru) huma fir-Rumanija. Flimkien mal-laguni ta' Razim-Sinoe (1,015 km2 jew 392 mil kwadru b'superfiċe tal-ilma ta' 865 km2 jew 334 mil kwadru), li jinsabu fin-Nofsinhar tad-delta prinċipali, l-erja totali tad-Delta tad-Danubju hi 5,165 km2 (1,994 mil kwadru). Il-kumpless tal-laguni ta' Razim-Sinoe huwa marbut ġeoloġikament u ekoloġikament mad-delta stess; it-territorju kollu kkombinat tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Ġeografija u ġeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Delta tad-Danubju moderna bdiet tifforma wara l-4000 Q.K. f'bajja tal-Baħar Iswed, meta l-livell tal-baħar għola sal-livell attwali. Barriera tar-ramel imblukkat il-bajja tad-Danubju fejn ix-xmara inizjalment bniet id-delta tagħha. Wara li l-bajja mtliet bis-sedimenti, id-delta avvanzat 'il barra minn dan l-estwarju imblukkat bil-barriera wara t-3500 Q.K., u nġemgħu diversi artijiet mistagħdra suċċessivi:[4] San Ġorġ I (3500-1600 Q.K.), Sulina (1600 Q.K.-0), San Ġorġ II (0–preżent) u Chilia jew Kilia (1600 Q.K–preżent). Diversi artijiet mistagħdra interni oħra nħolqu fil-lagi u fil-laguni qrib it-truf tad-Delta tad-Danubju fit-Tramuntana (Chilia I u II) u fin-Nofsinhar (Dunavatz).[5] Il-biċċa l-kbira tal-alluvium fid-delta u l-espansjoni ewlenija tal-erja fis-superfiċe fl-għamla ta' artijiet mistagħdra rriżultaw mill-erożjoni tal-ħamrija assoċjata mal-ikklerjar tal-foresti fil-baċir tad-Danubju matul l-ewwel u t-tieni millenju. Il-ġeologu Liviu Giosan qal lil The New York Times:[6]
X'aktarx li 40 fil-mija tad-Delta tad-Danubju nbniet fl-aħħar 1,000 sena. Din is-sejba kienet bħal mument ta' żvolta.
Attwalment, id-delta qed tbati minn nuqqas kbir ta' sedimenti, wara l-kostruzzjoni tad-digi mad-Danubju u t-tributarji tagħha fl-aħħar nofs tas-seklu 20. Madankollu, il-kostruzzjoni ta' network kbir ta' kanali baxxi fid-delta matul l-istess żmien, bħala strateġija ta' titjib tas-sedimentazzjoni, naqqset id-defiċit fil-pjanura tad-delta iżda żiedet l-erożjoni tul il-kosta.[7][8] Id-Delta tad-Danubju hija pjanura alluvjali baxxa, mgħottija l-iktar bl-artijiet mistagħdra u bl-ilma. Tikkonsisti minn network kbir ta' mraġ, kanali, nixxigħat u lagi. L-altitudni medja hi 0.52 metru, b'20 % tat-territorju taħt il-livell tal-baħar, u iktar minn nofs lanqas jaqbeż altitudni ta' metru. Id-duni fl-iżjed pjanuri estensivi tad-delta (il-pjanuri ta' Letea u ta' Caraorman) biss huma ogħla (12.4-il metru u 7 metri rispettivament). L-ikbar lagi huma l-lagi ta' Dranov (21.7 km2), ta' Roșu (14.5 km2) u ta' Gorgova (13.8 km2).
Tributarji tad-Danubju
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Danubju jofroq fi tliet tributarji prinċipali fid-delta: Chilia, Sulina, u Sfântul Gheorghe (San Ġorġ). L-aħħar żewġ fergħat jiffurmaw il-kanal ta' Tulcea, li jkompli bħala korp uniku għal diversi kilometri wara s-separazzjoni minn Chilia. Fil-bokki ta' kull kanal isseħħ il-formazzjoni gradwali ta' artijiet ġodda, filwaqt li d-delta tibqa' tikber.
Fergħat tad-Danubju | Tul (km) | Fluss (m3/s)
(1921-1990) |
---|---|---|
Chilia | 120 | 3800 |
Sulina | 64 | 1250 |
Sfântu Gheorghe
(San Ġorġ) |
70 | 1500 |
Chilia, fit-Tramuntana, huwa l-itwal, l-iżgħar fl-età u l-iżjed tributarju qawwi, b'żewġ delti interni sekondarji u mikrodelta waħda li tinsab fil-proċess ta' formazzjoni fil-bokka tagħha (lejn l-Ukrajna).
Sulina, fiċ-ċentru, huwa l-iqsar tributarju, u minħabba f'hekk jintuża b'mod estensiv għat-traffiku, b'trasformazzjoni kbira. Fil-bokka tiegħu hemm il-port prinċipali u insedjament uniku b'karatteristiċi urbani fil-parti Rumena tad-delta. Minħabba l-alluvium iddepożitat fil-bokka tiegħu, hemm kanal, li gradwalment qed javvanza fil-baħar (attwalment fih 10 km), li nbena għall-protezzjoni tan-navigazzjoni.
Sfântul Gheorghe (San Ġorġ), fin-Nofsinhar, huwa l-eqdem tributarju u l-inqas wieħed popolat. L-alluvium tiegħu wassal għall-ħolqien, fil-bidu tal-1897, tal-Gżejjer Sacalin, li llum il-ġurnata għandhom tul ta' 19-il kilometru.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-klima tad-Delta tad-Danubju hija waħda kontinentali, b'influwenzi qawwijin mill-qrubija tal-Baħar Iswed u l-ambjent prevalenti tal-anfibji. Dan huwa l-iżjed reġjun niexef u xemxi tar-Rumanija. It-temperatura annwali medja tkun 11 °C (−1 °C f'Jannar u 22 °C f'Lulju), bi preċipitazzjoni medja ta' bejn 400 mm fis-sena u 300 mm fis-sena, li tonqos mill-Punent għal-Lvant. L-evaporazzjoni tkun madwar 1,000 mm fis-sena, amplifikata mill-irjieħ qawwijin u frekwenti, li tirriżulta f'perjodi twal ta' nixfa fis-sajf. L-irjieħ tal-Majjistral jikkawżaw maltempati frekwenti fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. Fuq ġewwa tad-delta, in-natura kontinentali tal-klima tispikka ħafna.
Ekosistemi prinċipali
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Delta tad-Danubju tifforma parti mill-ekosistema tal-isteppa Pannonjana tal-Lvant tal-Ewropa, b'influwenzi Mediterranji. Bħala reġjun relattivament żagħżugħ li jinsab f'proċess sħiħ ta' konsolidazzjoni, id-Delta tad-Danubju tirrappreżenta post favorevoli ħafna għall-iżvilupp ta' flora u ta' fawna diversifikata ferm u unika fl-Ewropa, b'bosta speċijiet rari. Tospita 23 ekosistema naturali, iżda minħabba l-kobor tal-artijiet mistagħdra, l-ambjent akkwatiku huwa prevalenti; ambjent terrestri huwa preżenti wkoll fl-artijiet iktar għoljin tad-digi kontinentali, fejn żviluppaw ekosistemi kserofili. Bejn l-ambjenti akkwatiċi u terrestri, hemm strippa art bit-tajn li faċilment tiġi affettwata mill-għargħar, b'flora u b'fawna oriġinali li għandhom il-mezzi biex jadattaw għall-ilma jew għall-art, skont l-istaġun jew ir-reġim idroloġiku. Fejn l-ilma ħelu u l-ilma baħar jiġu f'kuntatt, iseħħu għadd ta' proċessi fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi speċjali, li wasslu biex il-bijologi jqisu din iż-żona bħala ekosistema differenti ħafna, imsejħa żona ta' qabel id-delta. Il-Golf ta' Musura, fit-Tramuntana ta' Sulina, u l-Golf ta' San Ġorġ, jitqiesu bħala l-iżjed rappreżentattivi ta' dan it-tip ta' ekosistema.
Id-Delta tad-Danubju tinsab tul ir-rotti migratorji ewlenin u tipprovdi kundizzjonijiet adegwati biex l-għasafar ibejtu u jfaqqsu. B'hekk id-Delta tad-Danubju tattira l-għasafar minn sitt ekoreġjuni ewlenin minn madwar id-dinja, inkluż il-Mongolja, l-Artiku u s-Siberja. Fid-delta nstabu iktar minn 320 speċi ta' għasafar fis-sajf, u minnhom 166 huma speċijiet li jfaqqsu u 159 huma tal-passa. Iktar minn miljun għasfur individwali (ċinji, papri selvaġġi, tiġieġ tal-baħar, eċċ.) jistrieħu hemmhekk fix-xitwa.
Ekosistema tal-ilma ġieri
[immodifika | immodifika s-sors]Din l-ekosistema tinsab fid-diversi fergħat tad-Danubju, u f'sensiela tal-iktar nixxigħat u kanali importanti tax-xmara. L-ambjent huwa rikk fil-plankton, fid-dud, fil-molluski, fl-insetti u fl-isponoż, b'bosta speċijiet ta' ħut, fosthom il-karpjun, il-lizz, il-luċċjoperka, il-ħut tal-ġilda, u l-isturjuni tal-ilma ħelu (l-isterlet, il-Vyza u l-kavall tad-Danubju).
Ekosistema tal-ilma staġnat
[immodifika | immodifika s-sors]Dan l-ambjent jinkludi l-lagi, u diversi għadajjar, nixxigħat u kanali. Huwa kkaratterizzat minn flora rikka f'wiċċ l-ilma u taħt l-ilma (Myriophyllum, Ceratophyllum, Vallisneria, eċċ, taħt l-ilma; Nymphaea alba, Nuphar lutea, Trapa natans, Alisma plantago, eċċ, f'wiċċ l-ilma bl-għeruq qrib it-truf tal-lagi; u Salvinia natans, Stratiotes aloides, Spirogyra, eċċ., f'wiċċ l-ilma mingħajr l-għeruq, b'effett negattiv għall-bijoproduttività akkwatika). Fost il-ħut, l-iżjed importanti huma t-tinka (Tinca tinca), l-abramida (Abramis brama), l-iskardola komuni (Scardinius erythropthalmus), il-karpjun tal-Prussja (Carassius auratus gibelio), pixxigatt tad-Danubju (Silurus glanis), dott Ewropew (Perca fluviatilis) u l-lizz tat-Tramuntana (Esox lucius).
Ekosistema tal-imraġ u taż-żoni tal-għargħar
[immodifika | immodifika s-sors]Il-qasab u l-gżejjer tal-qasab f'wiċċ l-ilma (magħrufa bħala plaur fir-Rumanija) huma l-iżjed komponenti komuni u magħrufa fid-Delta tad-Danubju. Il-veġetazzjoni ta' din l-ekosistema tikkonsisti mill-qasab komuni (Phragmites communis), u qrib ix-xtut tax-xmara, qasab ieħor bħal Typha latifolia u Typha angustifolia, is-sogħda (Carex dioica, Carex stricta), l-ekwiseta (Scirpus radicans, Schoenoplectus lacustris) u n-nagħniegħ tax-xmara (Mentha aquatica), eċċ. Dawn jipprovdu ħabitat ideali għar-riproduzzjoni u għat-tnissil. Il-plaur huma taħlita ta' għeruq tal-qasab, ħaxix u ħamrija, normalment f'wiċċ l-ilma jew ankrati mal-qiegħ tax-xmara. Inġenerali, il-qasab jikber madwar il-lagi u l-għadajjar, u bil-mod il-mod jinvadi s-superfiċe tal-ilma.
Dan it-tip ta' ekosistema huwa magħruf għall-varjetà u għall-popolazzjoni kbira ta' għasafar, uħud minnhom rari ħafna. L-iżjed importanti huma l-brajmla tat-toppu (Aythya fuligula), il-brajmla tat-toppu aħmar (Netta rufina), il-kuluvert (Anas platyrhynchos), il-wiżża griża (Anser anser), il-margun żgħir (Microcarbo pygmeus), ir-russett vjola (Ardea purpurea), ir-russett abjad (Egretta alba), l-agrett (Egretta garzetta), il-paletta (Platalea leucorodia), il-pellikan abjad (Pelecanus onocrotalus), Dalmatian pelican (Pelecanus crispus), iċ-ċinju (Cygnus olor) u l-velleran (Plegadis falcinellus). Speċi ġdida li waslet dan l-aħħar hija l-faġan (Phasianus colchicus).
Fost il-mammiferi, hemm il-lontra Ewrasjatika (Lutra lutra), il-viżun Ewropew (Mustela lutreola), l-ermellin żgħir (Mustela erminea aestiva), iċ-ċingjal (Sus scrofa) u l-qattus selvaġġ (Felis silvestris), fix-xitwa l-liebru (Lepus europaeus) u, kważi waslu għall-estinzjoni mid-delta, il-lupu u l-volpi. Fost l-ispeċijiet li dan l-aħħar adattaw għad-Delta tad-Danubju nsibu r-rakun tal-Lvant tal-Asja (Nyctereutes procyonoides), in-nutrija Ewropea (Ondatra zibethica), u sa ċertu punt in-nutrija tal-Amerka t'Isfel (Myocastor coypus).
Ekosistemi tax-xtut tax-xmara u tad-digi
[immodifika | immodifika s-sors]L-art soda tad-delta fl-imgħoddi kienet miksija rqajja' kbar ta' siġar taż-żafżafa, li ġew maqtugħin kważi għalkollox u ġew sostitwiti bil-luq Kanadiż. Max-xtut tax-xmara, għad hemm irqajja' żgħar ta' siġar taż-żafżafa fl-istat naturali tagħhom (Salix alba, Salix fragilis, Salix purpurea, Salix pentandra, Salix triandra, eċċ.), imħalltin bil-luq abjad (Populus alba). Okkażjonalment, is-siġar taż-żafżafa jiffurmaw kurituri tul il-fergħat u l-kanali l-kbar tax-xmara Danubju. Fl-artijiet mistagħdra ta' Letea u ta' Caraorman, hemm foresti mħalltin tal-ballut (Quercus robur, Quercus pedunculiflora) u diversi siġar (Fraxinus pallisiae, Ulmus foliaceae, Populus tremula), arbuxxelli (Prunus spinosa, Crataegus monogyna, Rosa canina, Berberis vulgaris, eċċ.), u dwieli (Vitis sylvestris, Hedera helix, Humulus lupulus, Periploca graeca, li jikbru sa 25 metru) jikbru fiż-żoni tad-duni bir-ramel. Fl-art mistagħdra ta' Letea, dawn il-foresti b'dehra eżotika jikbru speċjalment fl-inżul bejn id-duni tar-ramel, f'irqajja' żgħar imsejħa hasmace. Il-fawna ta' dan ir-reġjun tinkludi l-vipera tal-mergħat (Vipera ursinii), l-arpa (Pandion haliaetus), u l-kokka imperjali (Bubo bubo).
Abitanti
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Delta tad-Danubju x'aktarx li huwa l-inqas reġjun abitat fiż-żoni miti tal-Ewropa.[9] Fin-naħa Rumena jgħixu madwar 20,000 ruħ, li minnhom 4,600 ruħ jgħixu fil-port ta' Sulina, b'densità medja ta' madwar żewġ abitanti kull km2. Il-kumplament tal-popolazzjoni hija sparpaljata fost is-27 villaġġ, li minnhom tlieta biss, kollha fil-marġini, kellhom iktar minn 500 ruħ fl-2002. Il-belt ta' Tulcea, fit-tarf tal-Punent tad-delta, għandha popolazzjoni ta' 92,000 ruħ (fl-2002); din tirrappreżenta ċ-ċentru ewlieni tar-reġjun minn fejn wieħed jista' jaċċessa d-delta.
L-iżolament kbir u l-kundizzjonijiet diffiċli ferm ta' għajxien, ibbażati l-iktar fuq is-sussistenza, wasslu biex id-Delta tad-Danubju jkun post ta' emigrazzjoni, jew mill-inqas ta' tranżitu. Ftit ħafna minn dawk li jitwieldu fir-reġjun jibqgħu hemmhekk meta jsiru adulti; fl-istess waqt, l-oriġini tal-abitanti tvarja ferm, peress li n-nies minn bosta partijiet tar-Rumanija jgħixu fid-delta. Il-popolazzjoni totali baqgħet bejn wieħed u ieħor kostanti matul is-seklu 20; kien hemm 12,000 abitant fis-snin 90 tas-seklu 19, u 14,000 abitant qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Ir-Rumeni jirrappreżentaw madwar 80 % tal-popolazzjoni u l-Ukreni madwar 10 %. Fost in-nies l-oħra li jgħixu fid-delta hemm minoranzi etniċi bħall-Griegi, it-Torok u l-Bulgari (fl-1992). Partikolari fir-reġjun, iżda rari ħafna bħala entità etnika, hemm il-Lipovani, id-dixxendenti tal-fidili tar-rit Ortodoss antik li ħarbu mill-persegwitazzjoni reliġjuża fir-Russja fis-seklu 18.
Fuq in-naħa Ukrena, fit-tarf tat-Tramuntana tad-delta, ir-raħal ta' Izmail għandu popolazzjoni ta' 85,000 ruħ, ir-raħal ta' Kiliya għandu popolazzjoni ta' 21,800 ruħ, u r-raħal ta' Vilkovo, iċ-ċentru prinċipali tal-komunità Lipovana, għandu popolazzjoni ta' 9,300 ruħ.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Fid-dokumenti storiċi ġie rreġistrat li n-nies ta' Dacia għexu fid-Delta tad-Danubju qabel ma nħakmu mir-Rumani. Wara invażjoni suċċessiva mill-Viżigoti, ir-reġjun għadda minn id għall-oħra bosta drabi. Matul is-seklu 15, id-Delta tad-Danubju saret parti mill-Imperu Ottoman. Fl-1812, wara l-Gwerra bejn ir-Russja u t-Turkija, il-fruntieri tal-Imperu Ottoman u tal-Imperu Russu ġew stabbiliti permezz tal-Kanal ta' Kilia u l-Kanal Antik ta' Stambul tad-Danubju, u fl-1829 permezz tal-Kanal ta' San Ġorġ. It-Trattat ta' Pariġi tal-1856, li temm il-Gwerra tal-Krimea, assenja d-Delta tad-Danubju lill-Imperu Ottoman u stabbilixxa kummissjoni internazzjonali li wettqet sensiela ta' xogħlijiet ta' appoġġ għan-navigazzjoni. Fl-1878, wara t-telfa li ġarrab l-Imperu Ottoman kontra r-Russja u r-Rumanija, il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi ġiet stabbilita permezz tal-Kanal ta' Kilia u l-Kanal Antik ta' Stambul.
Fl-1991, il-parti Rumena tad-Delta tad-Danubju tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Madwar 2,733 km2 tad-delta huma żoni protetti b'mod strett.
Fl-1998, fil-qafas tal-Program tal-Bniedem u l-Bijosfera tal-UNESCO, is-6,264.03 km2 tad-Delta tad-Danubju ġew stabbiliti bħala riżerva ta' bijosfera, kondiviża bejn ir-Rumanija u l-Ukrajna.
Storikament, fir-Rumanija, parti mid-Delta tad-Danubju ġiet immarkata bħala riżerva fl-1938.
Fl-Ukrajna, il-fergħa tad-Danubju tar-Riżerva Statali tal-Baħar Iswed ġiet stabbilita fl-1973. Fl-1981, din ġiet organizzata mill-ġdid fir-Riżerva Naturali tal-"Flussi tad-Danubju", u fl-1998, ġiet estiża għar-Riżerva ta' Bijosfera tad-Danubju.
Kwistjonijiet ambjentali
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xogħlijiet fuq skala kbira fid-Delta tad-Danubju beda diġà mit-tieni nofs tas-seklu 19.[10] L-ewwel korrezzjonijiet tal-fergħa ta' Sulina bdew fl-1862, u baqgħu għaddejjin matul is-seklu 20. B'hekk, it-tul tal-fergħa ta' Sulina tnaqqas minn 92 kilometru għal 64 kilometru, u l-fluss tagħha rdoppja u iktar, u sar adattat għan-navigazzjoni tal-bastimenti l-kbar. Il-korrezzjoni tas-sitt fergħat il-kbar tal-fluss tax-xmara wasslet għat-tnaqqis tat-tul tal-fergħa ta' Sfântu Gheorghe minn 108 kilometri għal 70 kilometru, u l-fluss tagħha żdied kemxejn ukoll. Dawn iż-żewġ żidiet saru għad-detriment tal-fergħa ta' Chilia, li attwalment hija l-iżjed fergħa mhux mimsusa mit-tliet fergħat. Dawn il-korrezzjonijiet, kif ukoll it-tħaffir ta' diversi kanali sekondarji tul il-korp tad-delta, kellhom impatt serju ħafna fuq l-ekosistema. L-ambjenti naturali ġew mibdula, ix-xejra tat-tnissil tal-ħut ġiet imfixkla, u l-flussi fil-fergħat prinċipali żdiedu, b'konsegwenzi serji fir-rigward tal-iskariku ta' alluvia u l-erożjoni tax-xtut.
Il-qasab ġie maħsud b'mod intensiv matul l-era Komunista. Ir-reġim kellu pjanijiet biex jittrasforma d-delta f'żona agroindustrijali kbira. Għalkemm l-ewwel sfruttament agrikolu modern imur lura għall-1939 (Ostrovul Tãtaru), kien biss wara l-1960 li żoni kbar ġew imbattla mill-ilma u kkonvertiti, għad-detriment tal-artijiet mistagħdra. Fl-1991, l-art agrikola fid-delta qabżet il-100,000 ettaru, u iktar minn terz tas-superfiċe tagħha ġiet affettwata mill-kultivazzjoni tal-għelejjel, it-tħawwil tal-foresti jew l-akkwakultura. Minħabba dawn il-bidliet, flimkien maż-żieda fit-tniġġis u fl-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet tad-Danubju, kif ukoll deċennji ta' sfruttament u regolamenti batuti dwar is-sajd, il-popolazzjoni tal-ħut naqset b'mod viżibbli.
Fl-2004, l-Ukrajna inawgurat ix-xogħol fuq il-Kanal ta' Bistroe li kellu jipprovdi kollegament navigabbli addizzjonali mill-Baħar Iswed sas-sezzjoni popolata Ukrena tad-Delta tad-Danubju. Madankollu, minħabba l-impatt negattiv li dan il-kanal il-ġdid seta' jkollu fuq l-ekosistema fraġli tad-delta, l-Unjoni Ewropea tat parir lill-Ukrajna biex twaqqaf ix-xogħol. L-uffiċjali Rumeni heddew li jressqu lill-Ukrajna quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Taħt il-presidenza ta' Kuchma, l-Ukrajna wieġbet li r-Rumanija kienet qed tibża' biss mill-kompetizzjoni li l-kanal il-ġdid kien se jġib miegħu, u kompliet taħdem fuq il-kanal. Taħt il-presidenza ta' Yuschenko, li żar ir-Rumanija fl-2005, iż-żewġ naħat qablu li kellhom ikunu l-professjonisti li jiddeċiedu dwar id-destin tal-kanal. Fit-tul, l-Ukrajna qed tippjana li tibni kanal għan-navigazzjoni, jekk mhux mill-Kanal ta' Bistroe, minn xi kanal ieħor.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Ukraine | United Nations Educational, Scientific and Cultural Organization". web.archive.org. 2022-03-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-03-04. Miġbur 2023-06-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Danube Delta | United Nations Educational, Scientific and Cultural Organization". web.archive.org. 2022-05-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-01-04. Miġbur 2023-06-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Danube Delta". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-17.
- ^ Giosan, Liviu; Donnelly, Jeffrey P.; Constantinescu, Stefan; Filip, Florin; Ovejanu, Ionut; Vespremeanu-Stroe, Alfred; Vespremeanu, Emil; Duller, Geoff A.T. (2006). "Young Danube delta documents stable Black Sea level since the middle Holocene: Morphodynamic, paleogeographic, and archaeological implications". Geology. 34 (9): 757–760.
- ^ Liviu Giosan; Marco J. L. Coolen; Jed O. Kaplan; Stefan Constantinescu; Florin Filip; Mariana Filipova-Marinova; Albert J. Kettner; Nick Thom (August 30, 2012). "Early Anthropogenic Transformation of the Danube-Black Sea System". Scientific Reports. 2 (article number 582): 582.
- ^ Nuwer, Rachel (2012-09-14). "From Ancient Deforestation, a Delta Is Born". Green Blog (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-17.
- ^ Giosan, Liviu; Constantinescu, Stefan; Filip, Florin; Deng, Bing (2013). "Maintenance of large deltas through channelization: Nature vs. humans in the Danube delta". Anthropocene. 1: 35–45.
- ^ "Study Offers Economical Solutions for Maintaining Critical Delta Environments" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-17.
- ^ "The Danube Delta – Halmyris". web.archive.org. 2018-07-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-07-09. Miġbur 2023-06-17.
- ^ Iordachi, Constantin, Van Assche, Kristof (2014) The Bio-Politics of the Danube Delta. Lexington Books. ISBN 978-0-7391-9514-7.