Aqbeż għall-kontentut

Fatehpur Sikri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Fatehpur Sikri
 Indja
Amministrazzjoni
PajjiżIndja
State of IndiaUttar Pradesh
Division of Uttar Pradeshdiviżjoni ta' Agra
District of Indiadistrett ta' Agra
Kodiċi postali 283110
Ġeografija
Koordinati 27°05′28″N 77°39′40″E / 27.0911°N 77.6611°E / 27.0911; 77.6611Koordinati: 27°05′28″N 77°39′40″E / 27.0911°N 77.6611°E / 27.0911; 77.6611
Fatehpur Sikri is located in India
Fatehpur Sikri
Fatehpur Sikri
Fatehpur Sikri (India)
Għoli 213 m
Demografija
Popolazzjoni 32,905 abitanti (2011)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 05240
fatehpursikri.gov.in
Buland Darwaza, id-daħla għolja 54 metru (177 pied) għall-moskea Jama Masjid ta' Fatehpur Sikri.

Fatehpur Sikri (pronunzja bil-Ħindi: [ˈfətɛɦpʊɾ ˈsiːkɾiː]) hija belt żgħira fid-Distrett ta' Agra ta' Uttar Pradesh, l-Indja.[1] Fatehpur Sikri, li tinsab 35.7 kilometru mis-sede tad-Distrett ta' Agra, ġiet stabbilita bħala l-belt kapitali tal-Imperu Mugal fl-1571 mill-Imperatur Akbar, u qdiet dan ir-rwol mill-1571 sal-1585, meta Akbar abbandunaha minħabba kampanja militarti f'Punjab u iktar 'il quddiem ġiet abbandunata għalkollox fl-1610.[2]

Isem il-belt oriġina mill-villaġġ imsejjaħ Sikri li kien jokkupa l-istess post qabilha. Skavi tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja mill-1999 sas-sena 2000 indikaw li kien hemm abitazzjonijiet, tempji u ċentri kummerċjali hemmhekk qabel ma Akbar bena l-belt kapitali tiegħu. Ir-reġjun ġie insedjat mis-Sunga wara l-espansjoni tagħhom. Il-belt kienet ikkontrollata mir-Rajput ta' Sikarwar mis-seklu 7 sas-seklu 16 W.K. sal-Battalja ta' Khanwa (1527).

Il-khanqah tax-Xejikk Salim Chishti kienet teżisti qabel il-belt. Iben Akbar u l-mara ppreferuta tiegħu Mariam-uz-Zamani, Jahangir, twieled fil-villaġġ ta' Sikri fl-1569 u f'dik is-sena Akbar beda l-kostruzzjoni ta' kumpless reliġjuż sabiex ifakkar lix-Xejikk li kien bassar it-twelid ta' ibnu. Wara li Jahangir għalaq sentejn, Akbar beda l-kostruzzjoni ta' belt iffortifikata bis-swar u ta' palazz imperjali. Il-belt saret magħrufa bħala Fatehpur Sikri, "il-Belt tar-Rebħa", wara l-kampanja militari rebbieħa ta' Akbar f'Gujarat fl-1573.[3]

Wara l-okkupazzjoni ta' Agra fl-1803, il-Kumpanija tal-Lvant tal-Indja stabbiliet ċentru amministrattiv fil-post li baqa' jopera sal-1850. Fl-1815, il-Markiża ta' Hastings ordnat it-tiswija tal-monumenti f'Sikri.

Fatehpur Sikri tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[4][5]

Mill-evidenza arkeoloġika joħroġ fid-dieher li r-reġjun kien insedjat mill-perjodu tal-Oġġetti Griżi Mpittrin. Skont l-istoriku Syed Ali Nadeem Rezavi, ir-reġjun iffjorixxa taħt it-tmexxija tas-Sunga u mbagħad taħt ir-Rajput ta' Sikarwar, li bnew fortizza meta kellhom il-kontroll taż-żona mis-seklu 7 sas-seklu 16, sal-Battalja ta' Khanwa fl-1527. Iktar 'il quddiem iż-żona spiċċat taħt il-kontroll tas-Sultanat ta' Delhi u nbnew bosta moskej li kibru bħala daqs matul il-perjodu tad-dinastija Khalji.[6][7]

Filwaqt li bbaża l-argumenti tiegħu fuq l-iskavi mwettqa mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (ASI) fl-1999–2000 fiċ-Chabeli Tila, il-ġurnalist bl-esperjenza minn Agra, Bhanu Pratap Singh, qal li l-oġġetti, l-istatwi u l-istrutturi antiki kollha kemm huma jindikaw "kultura u sit reliġjuż" li ntilfu iktar minn 1,000 sena ilu. "L-iskavi wasslu għal sejba rikka ta' mijiet ta' statwi Ġainisti, inkluż il-ġebla tax-xewka ta' tempju bid-data. L-istatwi li kellhom xi elf sena kienu ta' Bhagwan Adi Nath, Bhagwan Rishabh Nath, Bhagwan Mahavir u Jain Yakshinis", sostna Swarup Chandra Jain, il-mexxej ewlieni tal-komunità Ġainista. L-istoriku Sugam Anand jistqarr li hemm prova ta' abitazzjoni, tempji u ċentri kummerċjali saħansitra qabel Akbar stabbilixxa l-belt bħala l-kapitali tiegħu. Huwa jsostni li l-ispazju miftuħ tul irdum intuża minn Akbar sabiex tinbena l-belt kapitali tiegħu.[8][9][10]

Madankollu, qabel l-approprjazzjoni tas-sit minn Akbar għall-belt kapitali tiegħu, il-predeċessuri tiegħu Babur u Humayun ħadmu qatigħ biex jiddisinjaw mill-ġdid il-konfigurazzjoni urbana ta' Fatehpur Sikri. Attilio Petruccioli, studjuż tal-arkitettura Iżlamika u Professur tal-Arkitettura Pajsaġġistika fl-Università Politeknika ta' Bari, l-Italja, jinnota li "Babur u s-suċċessuri tiegħu" riedu "jaħarbu l-istorbju u l-konfużjoni ta' Agra u jibnu sekwenza wara l-oħra ta' ġonna fuq ix-xatt vojt tax-xmara Yamuna, ikkollegati bid-dgħajsa u bl-art". Petruccioli jżid li meta ġew maħsuba dawn il-pajsaġġi ta' evażjoni urbana, il-monumenti saru l-elementi ewlenin ta' organizzazzjoni tal-belt kollha, parzjalment minħabba l-orjentazzjoni tagħhom f'pożizzjoni sinifikanti u parzjalment minħabba d-daqs tagħhom. Il-Buland Darwaza kienet wieħed minn dawn l-elementi ta' organizzazzjoni, li b'għoli ta' 150 pied kienet l-ogħla monument fil-belt, u issa hija wieħed mill-iżjed monumenti rikonoxxibbli tal-Mugal fil-pajjiż.[11]

Il-post kien tassew għall-qalb Babur, li sejjaħlu Shukri (Ħajr), wara li l-lag kbir tiegħu ntuża mill-armati tal-Mugal. Annette Beveridge fit-traduzzjoni tagħha ta' Baburnama nnotat li Babur jindika li "Sikri" għandha tinqara "Shukri".[12] Skont il-memorji tiegħu, Babur bena ġnien hemmhekk imsejjaħ il-"Ġnien tar-Rebħa" wara li rebaħ kontra Rana Sangha fil-periferiji tal-post. F'Humayun-Nama, Gulbadan Begum jiddeskrivi li fil-ġnien huwa bena paviljun ottagonali li kien jużah għar-rilassament u għall-kitba. Fiċ-ċentru tal-lag fil-qrib, huwa bena pjattaforma kbira. Fil-bażi ta' rdum tal-blat madwar kilometru mill-Hiran Minar hemm baoli. Dan x'aktarx li kien is-sit oriġinali b'kitba magħrufa li kienet tfakkar ir-rebħa tiegħu.[13]

Abul Fazl jagħti rendikont tar-raġunijiet għalfejn Akbar ried jistabbilixxi l-belt f'Akbarnama: "Peress li uliedu subien (Salim u Murad) kienu twieldu f'Sikri, u mtlew bl-ispirtu għaref ta' Shaikh Salim, huwa xtaq minn qalbu jsebbaħ dan il-post li skontu kellu kobor spiritwali. Malli kiseb il-kontroll ta' dan il-post, l-eks disinn tiegħu ngħata spinta, u nħarġet ordni biex is-sovraintendenti tiegħu jibnu binjiet grandjużi għall-użu speċjali tax-Shahinshah".[14]

Il-Kos Minar fil-mil nru 12 tas-sezzjoni ta' Agra-Fatehpur Sikri tal-Awtostrada Nazzjonali nru 21.

Akbar baqa' bla eredi sal-1569 meta ibnu, li sar magħruf bħala Jahangir, twieled fil-villaġġ ta' Sikri fl-1569. Akbar beda l-kostruzzjoni ta' kumpless reliġjuż biex jagħti ġieħ lix-Xejikk Salim, li kien bassar it-twelid ta' Jahangir. Wara li Jahangir għalaq sentejn, huwa beda l-kostruzzjoni ta' belt iffortifikata u ta' palazz imperjali x'aktarx sabiex jittestja l-istamina ta' ibnu. Bil-kostruzzjoni tal-belt kapitali tiegħu fil-khanqah tax-Xejikk Salim, Akbar assoċja lilu nnifsu ma' dik l-ordni Sufista popolari u wassal il-leġittimità tas-saltna tiegħu permezz ta' din l-affiljazzjoni.[15]

Il-belt ġiet stabbilita fl-1571 u ngħatat isem il-villaġġ ta' Sikri li kien jeżisti qabilha. Il-Buland Darwaza nbniet biex tagħti ġieħ il-kampanja rebbieħa tiegħu f'Gujarat, meta l-belt saret magħrufa bħala Fatehpur Sikri - "Il-Belt tar-Rebħa". Ġiet abbandunata minn Akbar fl-1585 meta mar jiġġieled f'kampanja militari fil-Punjab. Iktar 'il quddiem ġiet abbandunata għalkollox sal-1610. Ir-raġuni għal dan l-abbandun x'aktarx li kienet in-nuqqas ta' provvista tal-ilma, għalkemm jaf Akbar tilef l-interess fil-belt ladarba kienet inbniet biss bħala kapriċċ tiegħu.[16] Ralph Fitch sostna li "Agra u Fatehpur Sikri huma żewġ bliet grandjużi ħafna, ferm iktar saħansitra minn Londra, u b'popolazzjoni kbira ħafna".[17]

Akbar żar il-belt darba biss fl-1601 u mbagħad abbandunaha. William Finch, li żar il-belt erba' jew ħames snin wara l-mewt ta' Akbar, stqarr "Fadal biss fdalijiet tal-belt; qisha deżert".[18] Matul l-epidemija tal-pesta s-sewda mill-1616 sal-1624, Jahangir qagħad hemmhekk għal tliet xhur fl-1619.[19] Muhammad Shah qagħad hemmhekk għal xi żmien u f'dak il-perjodu bdew ix-xogħlijiet ta' tiswija mill-ġdid. Madankollu, bid-deklin tal-Imperu Mugal, il-kundizzjonijiet tal-binjiet marru għall-agħar.[20]

Filwaqt li kienet qed jissielet kontra l-battaljuni ta' Daulat Rao Sindhia f'Ottubru 1803, Gerard Lake ħalla l-biċċa l-kbira tal-affarijiet l-iktar skabrużi u l-kanuni tal-assedju fil-belt.[21] Wara l-okkupazzjoni ta' Agra fl-1803, l-Ingliżi stabbilew ċentru amministrattiv hemmhekk sal-1850. Fl-1815, il-Markiża ta' Hastings ordnat it-tiswija tal-monumenti f'Sikri u f'Sikandra.[22] Il-belt kienet ukoll muniċipalità mill-1865 sal-1904 u iktar 'il quddiem saret żona nnotifikata. Il-popolazzjoni fl-1901 kienet tammonta għal 7,147 ruħ.[23]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Panch Mahal.

Fatehpur Sikri ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

Il-pjanta tal-kumpless irjali ta' Fatehpur Sikri.

Fatehpur Sikri tinsab fuq għolja bil-blat, b'tul ta' madwar tliet kilometri (1.9 mil) u b'wisa' ta' madwar kilometru (0.62 mili). Il-belt bil-palazzi hija mdawra b'ħajt ta' sitt kilometri (3.7 mili) fuq tliet naħat u r-raba' naħa hija kkonfinata b'lag. B'mod ġenerali l-belt hija organizzata madwar din l-għolja b'għoli ta' madwar 40 metru, u bejn wieħed u ieħor għandha għamla ta' rombu. Il-konfigurazzjoni ġenerali tal-istrutturi tal-belt, speċjalment "il-konfigurazzjoni kontinwa u kompatta tal-ġonna, tas-servizzi u tal-faċilitajiet" li kienu jikkaratterizzaw il-belt, twassal biex arkeologi urbani jikkonkludu li Fatehpur Sikri nbniet primarjament sabiex ir-residenti famużi tagħha jkunu jistgħu jiddevertu u jgħixu fil-lussu.

L-arkitettura dinastika ta' Fatehpur Sikri kienet immudellata fuq għamliet u stili Timuridi. Il-belt inbniet l-iktar bil-ġebel tar-ramel aħmar. Hemm ukoll influwenzi ta' Gujarat fil-vokabularju u fit-tiżjin arkitettoniku tal-palazzi ta' Fatehpur Sikri. L-arkitettura tal-belt tirrifletti l-forom Induisti u Musulmani tal-arkitettura domestika li kienet popolari fl-Indja ta' dak iż-żmien. Il-preservazzjoni notevoli ta' dawn l-ispazji oriġinali tippermetti lill-arkeologi moderni jwettqu rikostruzzjoni tax-xeni mill-ħajja fil-qorti tal-Mugal, u jifhmu aħjar il-ġerarkija tar-residenti rjali u nobbli tal-belt.

Wieħed jaċċessa l-belt mid-daħliet tagħha tul il-ħajt iffortifikat twil ħames mili (tmien kilometri). Id-daħliet huma d-Daħla ta' Delhi, id-Daħla ta' Lal, id-Daħla ta' Agra, u d-Daħla ta' Birbal, id-Daħla ta' Chandanpal, id-Daħla ta' Gwalior, id-Daħla ta' Tehra, id-Daħla ta' Chor, u d-Daħla ta' Ajmeri. Il-palazz jinkludi l-palazz tas-sajf u l-palazz tax-xitwa għar-Reġina Mariam-uz-Zamani, magħrufa wkoll bħala Jodha Bai.

Il-Jama Masjid.
Il-Qabar ta' Salim Chishti.
Il-Forti ta' Fatehpur Sikri.
Il-Hiran Minar.

Uħud mill-binjiet importanti ta' din il-belt, kemm reliġjużi kif ukoll lajċi, huma:

  • Il-Buland Darwaza: din l-istruttura tinsab fil-ħajt tan-Nofsinhar tal-moskea kongregazzjonali. Hija għolja 54 metru (177 pied), u gradwalment tagħmel tranżizzjoni lejn daqs uman fuq ġewwa. Id-daħla ġiet miżjuda madwar ħames snin wara t-tlestija tal-moskea għall-ħabta tal-1576-1577 bħala arkata tar-rebħa li tfakkar ir-rebħa ta' Akbar fil-kampanja militari tiegħu f'Gujarat. Fl-arkata hemm żewġ kitbiet imnaqqxin, u waħda minnhom tgħid: "Isa, iben Mariam qal: Id-dinja hija pont, għaddi minn fuqu, iżda tibnix djar fuqu. Min jittama għal siegħa jista' jittama għall-eternità. Id-dinja ddum siegħa kollox. Iddedikaha għat-talb, għaliex dak biss jgħodd". L-istruttura ċentrali bil-portiċi tinkludi tliet daħliet bl-arkati. L-ikbar waħda hija dik tan-nofs u hija magħrufa lokalment bħala d-Daħla tan-Nagħla, minħabba d-drawwa lokali li jissammru n-nagħal mal-bibien tal-injam tagħha għar-risq. Fuq in-naħa tax-xellug tal-Buland Darwaza hemm taraġ ġgantesk li jwassal għal bir fond.
  • Il-Jama Masjid: din hija moskea kongregazzjonali u x'aktarx li kienet waħda mill-ewwel binjiet fil-kumpless. Fuq l-epigrafu tagħha tingħata d-data 979 (li hija l-ekwivalenti tal-1571-1572 W.K.) bħala d-data tat-tlestija tagħha, u xi ħames snin wara ġiet miżjuda d-daħla enormi tagħha, il-Buland Darwaza, li tagħti għall-bitħa interna. Inbniet bl-istil tal-moskej Indjani, b'iwan madwar bitħa ċentrali. Karatteristika li tispikka hija r-ringiela ta' chhatri fuq is-santwarju. Hemm tliet miħrab f'kull waħda mis-seba' niċeċ tagħha, filwaqt li l-miħrab ċentrali hija msaqqfa b'koppla, u hija mżejna b'intarsjar tal-irħam abjad b'għamliet ġeometriċi.
  • Il-Qabar ta' Salim Chishti: dan huwa qabar tal-irħam abjad tal-qaddis Sufist, Salim Chishti (1478-1572), li jinsab fi ħdan is-sahn (bitħa interna) tal-Jama Masjid. L-istruttura fiha sular u nbniet madwar kompartiment kwadru ċentrali. F'din l-istruttura hemm il-qabar tal-qaddis, taħt kanopew imżejjen tal-injam intarsjat b'mużajk tal-madreperla. Madwaru hemm passaġġ imsaqqaf biex il-fidili jkunu jistgħu jduru mal-qabar. Dan il-passaġġ huwa mżejjen b'Jali mnaqqxa, li huma ħaġriet imnaqqxin qishom kannizzati b'disinn ġeometriku mirqum u daħla lejn in-Nofsinhar. Il-qabar huwa influwenzat minn mawżolej iktar bikrin tas-Sultanat ta' Gujarat tal-bidu tas-seklu 15. Karatteristiċi oħra tal-qabar li jispikkaw huma l-brakits b'għamla ta' sriep tal-irħam abjad, li jirfdu l-qattara ta' madwar il-parapett. Fuq in-naħa tax-xellug tal-qabar, lejn il-Lvant, hemm il-qabar tal-ġebla tar-ramel aħmar ta' Islam Khan I, iben Shaikh Badruddin Chishti u n-neputi ta' Shaikh Salim Chishti, li sar ġeneral fl-armata Mugal ta' Jahangir. Il-qabar huwa msaqqaf b'koppla u b'sitta u tletin chattri żgħar b'għamla ta' koppla, u fih għadd ta' oqbra, uħud mingħajr ismijiet, ta' dixxendenti maskili ta' Shaikh Salim Chishti.
  • Id-Diwan-i-Aam jew is-Sala tal-Udjenzi Pubbliċi: din it-tip ta' binja tinstab f'bosta bliet fejn il-mexxej jiltaqa' mal-pubbliku ġenerali. F'dan il-każ, hija struttura rettangolari b'diversi niċeċ qisha paviljun quddiem spazju kbir fil-beraħ. Fil-Lbiċ tad-Diwan-i-Am u maġenb id-Dar tas-Sultana hemm il-banjijiet Torok.
  • Id-Diwan-i-Khas jew is-Sala tal-Udjenzi Privati, hija binja kwadra sempliċi b'erba' chhatri fuq is-saqaf. Madankollu hija famuża għall-pilastru ċentrali tagħha, li għandu bażi kwadra u xaft ottagonali, it-tnejn li huma mnaqqxa bi strixxi ta' disinni ġeometriċi u bil-fjuri. Barra minn hekk, sitta u tletin brakit b'għamla ta' sriep jirfdu pjattaforma ċirkolari li kienet għal Akbar, u li hija kkollegata ma' kull rokna tal-binja fuq l-ewwel sular, permezz ta' erba' passaġġi tal-ġebel. F'din is-sala Akbar kien jilqa' lir-rappreżentanti ta' reliġjonijiet differenti sabiex jiddiskutu t-twemmin tagħhom f'udjenza privata.
  • L-Ibadat Khana jew id-Dar tal-Qima: din l-istruttura kienet post ta' riċeviment li nbena fl-1575 W.K. mill-imperatur Mugal Akbar, li fiha stabbilixxa l-pedamenti ta' twemmin sinkretiku ġdid, Din-e-Ilahi.
  • L-Anup Talao: din l-istruttura nbniet minn Raja Anup Singh Sikarwar u hija vaska ornamentali bi pjattaforma ċentrali u erba' pontijiet li jwasslu għaliha. Uħud mill-binjiet importanti tal-kumpless irjali jinsabu madwarha, inkluż il-Khwabgah (id-Dar tal-Ħolm) li kienet ir-residenza ta' Akbar, il-Panch Mahal, palazz ta' ħames sulari, id-Diwan-i-Khas jew is-Sala tal-Udjenzi Privati, l-Ankh Michauli u s-Sede tal-Astrologu, fir-rokna tal-Lbiċ tal-Bitħa ta' Pachisi.
  • Il-Jodha Bai Mahal: din l-istruttura kienet ir-residenza tal-mara Rajput favorita u ewlenija ta' Akbar, Mariam-uz-Zamani, magħrufa l-iktar bħala Jodha Bai, b'influwenzi Rajput u mibnija madwar bitħa, b'attenzjoni partikolari sabiex tiġi żgurata l-privatezza. L-istruttura għandha wkoll tempju Induista li kien jintuża mill-mara għall-qima. Dan il-palazz kien ikkollegat internament mar-residenza ta' Akbar.
  • In-Naubat Khana: din l-istruttura kienet magħrufa wkoll bħala Naqqar Khana jiġifieri d-dar tat-tnabar, fejn mużiċist kien itanbar biex iħabbar il-wasla tal-imperatur. Tinsab qabel id-Daħla ta' Hathi Pol Gate jew id-Daħla tal-Iljunfanti, id-daħla tan-Nofsinhar tal-kumpless, li tagħti x'tifhem li kienet id-daħla imperjali.
  • Il-Bitħa ta' Pachisi: din il-bitħa kwadra kienet tintuża bħala logħba esterna kbira, li kienet il-prekursur tal-logħba moderna tal-Ludo u n-nies ta' vera kienu jintużaw minflok il-pedini tal-logħba moderna. Bosta storiċi jsostnu li x'aktarx inbniet fis-seklu 17.
  • Il-Panch Mahal: dan il-palazz fih ħames sulari, li gradwalment jiċkienu bħala daqs, sal-aħħar wieħed, li huwa chhatri b'koppla kbira waħda. Oriġinarjament kien hemm ħaġriet imnaqqxa qishom kannizzati jħarsu lejn il-faċċata u x'aktarx kien hemm suddiviżjonijiet fuq ġewwa wkoll. Dan jagħti x'jifhem li x'aktarx inbena għan-nisa tal-qorti imperjali. Is-sulari tal-palazz huma mirfuda b'kolonni mnaqqxa b'mod mirqum fuq kull sular, b'total ta' 176 kolonna.
  • Id-Dar ta' Birbal: din kienet id-dar tal-uffiċjal favorit ta' Akbar li kien Induista. Karatteristiċi notevoli tal-binja huma ċ-chajja jew l-istrutturi orizzontali neżlin 'l isfel li kienu jintużaw għad-dell, kif ukoll il-brakits li jirfduhom.
  • Il-Hiran Minar jew it-Torri tal-Iljunfanti, huwa torri ċirkolari miksi b'ġebliet b'għamla ta' snien tal-iljunfanti. Tradizzjonalment kien maħsub li nbena bħala mafkar għall-iżjed iljunfant għall-qalb l-imperatur Akbar. Madankollu, x'aktarx li kien jintuża bħala l-punt ta' tluq għal plieri sussegwenti.

Fost il-binjiet l-oħra kien hemm it-Taksal (iz-zekka), id-Daftar Khana (l-Uffiċċju tar-Reġistri), il-Karkhana (l-istudjo rjali), il-Khazana (it-Teżor), il-Hammam (il-Banjijiet Torok), il-kwartieri ta' Darogha, l-istalel, il-karavanseraj, il-kwartieri ta' Hakim, eċċ.

Skont iċ-ċensiment Indjan tal-2011, Fatehpur Sikri kellha popolazzjoni totali ta' 32,905 ruħ: 17,392 irġiel jew subien u 15,513 nisa jew bniet. Il-popolazzjoni b'età ta' bejn 0 sa 6 snin kienet tammonta għal 5,139 ruħ. L-għadd totali ta' nies litterati f'Fatehpur Sikri kien jammonta għal 17,236 ruħ, jiġifieri 52.4 % tal-popolazzjoni totali, b'litteriżmu maskili ta' 60.4 % u b'litteriżmu femminili ta' 43.4 %. Ir-rata effettiva tal-litteriżmu tal-popolazzjoni ta' Fatehpur Sikri b'età ta' iktar minn seba' snin kienet ta' 62.1 %, b'rata ta' litteriżmu maskoli ta' 71.6 % u b'rata ta' litteriżmu femminili ta' 51.4 %. Fl-2011 Fatehpur Sikri kellha 4,936 unità domestika.

Skont iċ-ċensiment Indjan tal-2011, 98.81 % tal-popolazzjoni identifikaw lilhom infushom bħala kelliema tal-Ħindi u 1.04 % identifikaw lilhom infushom bħala kelliema tal-Brajbhasha.

Amministrazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Fatehpur Sikri hija waħda minn ħmistax-il sede tad-distrett ta' Agra, bi 52 Gram panchayat (villaġġi) li jaqgħu taħtha.

Fatehpur Sikri hija kostitwenza tal-Lok Sabha, il-Kamra Inferjuri tal-Parlament Indjan, u fiha wkoll ħames segmenti oħra tal-Vidhan Sabha (l-assemblea leġiżlattiva) li huma:

  • iż-Żona Rurali ta' Agra;
  • Fatehpur Sikri;
  • Kheragarh;
  • Fatehabad;
  • Bah.

B'kollox hemm 12-il villaġġ ta' Rajput ta' Sisodia qrib il-forti ta' Fatehpur Sikri fid-distrett ta' Agra. Dawn huma Daultabad, Nayavas, Satha, Korai, Behrawati, Byara, Undera, Kachora, Singarpur, Vidyapur, Onera u Arrua.

Fatehpur Sikri tinsab madwar 39 kilometru (24 mil) minn Agra. L-eqreb ajruport huwa l-Ajruport ta' Agra (magħruf ukoll bħala l-Ajruport ta' Kheria), li jinsab madwar 40 kilometru (25 mil) minn Fatehpur Sikri. L-eqreb stazzjon tal-ferrovija huwa l-istazzjon ferrovjarju ta' Fatehpur Sikri, li jinsab madwar kilometru (0.62 mili) miċ-ċentru tal-belt. Il-belt hija kkollegata ma' Agra u ma' ċentri oħra fil-qrib permezz tat-toroq, u diversi servizzi regolari tal-karozzi tal-linja huma ġestiti minn UPSRTC, apparti l-kowċis tat-turisti u t-taxis.

Fl-illustrazzjoni poetika tagħha ta' inċiżjoni ta' pittura ta' William Purser, Futtypore Sicri, tal-1833, Letitia Elizabeth Landon tassoċja l-abbandun tal-belt minn Akbar mat-'tpattija tal-mejtin'.

Vita Sackville-West, fir-rumanz tagħha All Passion Spent, tambjenta l-laqgħa prinċipali bejn Deborah, is-Sinjorina Slane, u s-Sur FitzGeorge, f'Fatehpur Sikri.

She stood again on the terrace of the deserted Indian city looking across the brown landscape where puffs of rising dust marked at intervals the road to Agra. She leaned her arms upon the warm parapet and slowly twirled her parasol. She twirled it because she was slightly ill at ease. She and the young man beside her were isolated from the rest of the world.[24]

Ir-rumanz ta' Salman Rushdie, The Enchantress of Florence, huwa parzjalment ambjentat f'Fatehpur Sikri fis-seklu 16.[25]

  1. ^ "Fatehpur Sikri". www.tajmahal.gov.in. Miġbur 2022-11-22.
  2. ^ Andrew Petersen (11 March 2002). Dictionary of Islamic Architecture. Routlegde. p. 82. ISBN 9781134613656.
  3. ^ Hindu Shah, Muhammad Qasim. Gulshan-I-Ibrahimi. p. 223.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Fatehpur Sikri". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-22.
  5. ^ Nighoskar, Devyani (2016-03-22). "30 Years as World Heritage Site: Fatehpur Sikri" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-22.
  6. ^ Rezavi, Syed Ali Nadeem (2013). Sikri before Akbar. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-908256-8.
  7. ^ Safvi, Rana (2017-12-09). "The secrets about Fatehpur Sikri" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-06.
  8. ^ "Fatehpur Sikri: A Jain Pilgrimage Centre". IndiaTimes (bl-Ingliż). 2013-07-17. Miġbur 2022-12-06.
  9. ^ "Fatehpur Sikri was once a Jain pilgrimage centre: Book". Zee News (bl-Ingliż). 2013-02-27. Miġbur 2022-12-06.
  10. ^ "Fatehpur Sikri was once a Jain pilgrimage centre". www.freepressjournal.in. Miġbur 2022-12-06.
  11. ^ Petruccioli, Attilio. "The Process Evolved by Control Systems of Urban Design in the Mogul Epoch in India: The Case of Fatehpur Sikri" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2018-03-23. Miġbur 2022-12-06.
  12. ^ Annette Susannah Beveridge (2002). Babur-nama: (Memoirs of Babur). Sang-e-Meel Publications, University of Michigan Press. p. 851. ISBN 9789693512939.
  13. ^ Catherine Ella Blanshard Asher (1992). Architecture of Mughal India, Part 1, Volume. Cambridge University Press. p. 22. ISBN 9780521267281.
  14. ^ Edward James Rapson, Sir Wolseley Haig, Sir Richard Burn, Henry Dodwell, Mortimer Wheeler (1963). The Cambridge History of India, Volume 4. Cambridge University Press. p. 103.
  15. ^ Catherine Ella Blanshard Asher (1992). Architecture of Mughal India, Part 1, Volume 4. Cambridge University Press. pp. 51–53. ISBN 9780521267281.
  16. ^ Andrew Petersen (11 March 2002). Dictionary of Islamic Architecture. Routlegde. pp. 82–84. ISBN 9781134613656.
  17. ^ Ashirbadi Lal Srivastava (1973). Akbar the Great, Vol. III: Society and culture in 16th century India. Shiva Lal Agarwala. p. 10.
  18. ^ Abraham Eraly (200). Emperors of the Peacock Throne: The Saga of the Great Mughals. Penguin Books India. p. 179. ISBN 9780141001432.
  19. ^ Abraham Eraly (2000). Emperors of the Peacock Throne: The Saga of the Great Mughals. Penguin Books India. p. 284. ISBN 9780141001432.
  20. ^ Aniruddha Roy (2016). Towns and Cities of Medieval India: A Brief Survey. Taylor & Francis. p. 262. ISBN 9781351997317.
  21. ^ Aniruddha Roy (2016). Towns and Cities of Medieval India: A Brief Survey. Taylor & Francis. p. 262. ISBN 9781351997317.
  22. ^ Singh, Upinder (2004). The discovery of ancient India: early archaeologists and the beginnings of archaeology. Permanent Black. p. 185. ISBN 9788178240886.
  23. ^ Imperial Gazetteer of India: Provincial Series, Volume 24, Issue 1. Superintendent of Government Print. 1908. p. 415.
  24. ^ Minn All Passion Spent (Hogarth Press, 1931).
  25. ^ Choudhury, Chandrahas (2008-04-18). "An ode to adolescent fantasy". mint (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-06.