Lady Gaga
Lady Gaga | |
---|---|
Informazzjoni ġenerali | |
Isem sħiħ | Stefani Joanne Angelina Germanotta |
Twieldet | 28 ta' Marzu 1986 |
Oriġini | New York |
Ġeneru | Pop, dance |
Snin ta' attività | 2006–preżent |
Sit uffiċjali | www.ladygaga.com |
Stefani Joanne Angelina Germanotta (twieldet fit-28 ta' Marzu 1986), magħrufa aħjar bħala Lady Gaga, hija kantanta Amerikana. Lady Gaga dehret fix-xena tal-mużika rock ta' Lower East Side f'New York City u daħlet f'Tisch School of the Arts, waħda fost l-iskejjel taħt l-Università ta' New York. Wara ffirmat kuntratt ma' Streamline Records, kumpanija li kienet tifforma parti mill-Interscope Records. Fl-ewwel żminijiet mal-Interscope, ħadmet bħala liriċista għal diversi kantanti stabbiliti u induna biha Akon li għaraf il-ħila vokali tagħha, u iffirmaha mad-ditta diskografika tiegħu, Kon Live Distribution.
L-ewwel album tagħha, The Fame, li ħareġ fid-19 ta' Awwissu, 2008, laħaq l-ewwel post fir-Renju Unit, il-Kanada, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Irlanda, u fl-ewwel għaxra f'numru ta' pajjiżi madwar id-dinja; fl-Istati Uniti, laħaq it-tieni post tal-klassifika Billboard 200 u l-ewwel post tal-klassifika Dance/Electronic Albums tal-istess Billboard. L-ewwel żewġ kanzunetti tagħha, "Just Dance" u "Poker Face", miktuba u prodotti t-tnejn li huma minn RedOne, għamlu suċċess internazzjonali, fejn spiċċaw fil-quċċata tal-Billboard Hot 100 fl-Amerika u rebħu unuri għall-Aqwa Album Elettroniku/Dance u l-Aqwa Recording Dance. Fil-bidu tal-2009 bdiet l-ewwel tour tagħha, The Fame Ball Tour. Fir-raba' kwart tas-sena, kienet ħarġet it-tieni album tagħha bl-isem ta' The Fame Monster, li kien jinkludu l-kanzunetta "Bad Romance", waqt li bdiet it-tieni tour tagħha, The Monster Ball Tour.
L-ispirazzjoni għal Lady Gaga huma l-kantanti glam rock David Bowie u Queen, u kif ukoll il-mużiċisti pop Madonna u Michael Jackson. Hi stqarret kif il-moda hi wkoll sors ta' ispirazzjoni għall-kitba u l-esebizzjonijiet tagħha. Sa Awwissu 2010, Gaga biegħet iktar minn 13-il miljun album u 51 miljun diska madwar id-dinja.[1] Il-magażin Time, f'Mejju tal-2010, poġġiet lil Gaga fil-lista tat-Time 100 tal-aktar persuni influwenti fid-dinja. F'Ġunju tal-2010, Forbes niżżlet lil Gaga bħala r-raba' fil-lista tal-aktar ċelebrità b'saħħithom u influwenti fid-dinja; hi wkoll tinsab fit-tieni post tal-aktar mużiċista b'saħħitha fid-dinja.[2][3]
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]1986–2004: Tfulija u l-adoloxxenza
[immodifika | immodifika s-sors]Stefani Germanotta twieldet New York nhar it-28 ta' Marzu, 1986, l-ikbar tifla ta' Joseph Germanotta, imprenditur tal-internet Taljan Amerikan, u Cynthia Bissett.[4] Hi tgħallmet il-pjanu meta kellha erba' snin; ta' tlettax ikkomponiet l-ewwel ballata għall-pjanu u ta' erbatax bdiet tkanta f'serati fejn l-udjenza setgħet tesebixxi ruħha quddiema il-mikrofonu. Fl-età ta' ħdax-il sena, Germanotta bdiet tattendi l-Kunvent tal-Qalb ta' Ġesù, skola Kattolika privata f'Upper East Side ġo Manhattan,[5] imma sostniet fuq kif hi mhix ġejja minn xi sfond soċjali sinjur, fejn stqarret li l-ġenituri "[huma] t-tnejn ġejjin minn familji ta' klassi baxxa, u għalhekk ħdimna għal kollox — ommi kienet taħdem mit-tmienja sat-tmienja 'l bogħod mid-dar, fit-telekomunikazzjoni, u l-istess kien jagħmel missieri."[6] L-imħabba li kellha għall-palk dehret fiż-żmien li kienet tattendi l-iskola sekondarja, fejn kienet ingħatat l-irwol prinċipali ta' Adelaide f'Guys and Dolls u ta' Philia f'A Funny Thing Happened on the Way to the Forum.[7] Hi stess tistqarr fuq kif il-ħajja akkademika tagħha matul dan iż-żmien kienet waħda "ta' dedikazzjoni, ta' studju, u ta' dixxiplina" imma wkoll "b'xi ftit ta' nuqqas ta' sigurtà". Kif qalet f'intervista, "Kienu jgħadduni biż-żmien minħabba li jew kont inkun wisq provokattiva jew wisq eċċentrika, u għalhekk bdejt nillimita ruħi xi ftit. Ma kontx inħossni nappartjeni għal tal-madwar, u ħassejtni qisni skerz."[8][9] Studenta li kienet tattendi magħha l-iskola sekondarja fakkret kif "Hi kellha grupp ta' ħbieb; kienet studenta bil-għaqal. Kienet tħobb ħafna s-subien, però l-kant kien in-numru wieħed."[10]
Ta' sbatax-il sena, eżattament, nhar it-23 ta' Awwissu, 2003, Germanotta daħlet fit-Tisch School of the Arts tal-Università ta' New York. Hemmhekk hi studjat il-mużika u tejbet l-abilitajiet tagħha bħala liriċista fejn il-kitbiet tagħha kienu jduru madwar l-arti, ir-reliġjon, il-problemi soċjali u l-politika. Germanotta ħasset kif hi kienet iktar kreattiva minn biċċa minn sħabha tal-klassi. "Ġaladarba titgħallem fuq kif għandek taħseb dwar l-arti, tista' tgħallem lilek innifsek," stqarret. Mat-tieni semestru tat-tieni sena ta' studju hi ħalliet l-iskola sabiex tiffoka iktar fuq il-karriera mużikali tagħha.[11] Missierha kien qabel li jħallsilha l-kera għal sena, bil-patt u l-kundizzjoni li terġa' tidħol fit-Tisch jekk ma kienx se jirnexxielha.
Il-bidu tal-karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Lady Gaga għall-bidu iffirmat kuntratt ma' Def Jam, meta kellha dsatax-il sena, wara li d-diskografiku L. A. Reid kien semagħha tkanta fil-kuritur mill-uffiċċju tiegħu. Madanakollu, il-kantanta ċaħdet li hi u Reid kienu qatt iltaqgħu u l-kuntratt ġie xolt wara biss tliet xhur. Madwar sena wara ġiet skoperta mid-diskografiku Vincent Herbert li taha kuntratt mal-Interscope Records f'Jannar tal-2008. Hi rnexxielha tħalli 'l kulħadd impressjonat għall-widna lejn il-mleodija u għall-abilitajiet bħala kantawtriċi, u bdiet taħdem bħala kantawtriċi, fejn kitbet għall-Konvict Muzik, it-tikketta diskografika ta' Akon, u għal artisti bħal Fergie, Pussycat Dolls, Britney Spears u New Kids on the Block.[5] Għal Britney Spears kitbet "Quicksand" u "Amnesia", li suċċessivament ġew inklużi bħala bonus track fl-album Circus. Fl-ewwel xhur tal-2007, Jimmy Lovine, il-president tal-Interscope Records, indunat bit-talent tagħha u fuq parir ta' Akon, li kien l-ewwel fost dawk li emmnu bit-talenti vokali tagħha, iddeċieda li jagħtiha kuntratt diskografiku.[12][13]
Għall-2007 kollu, Lady Gaga ħadmet b'mod kostanti mal-ħabiba tagħha, DJ u ballerina Lady Starlight. Iż-żewġt iħbieb bdew jesebixxu flimkien f'diversi kunċerti u manifestazzjonijiet lokali bħal fil-Mercury Lounge u r-Rockwood Music Hall. L-esebizzjonijiet tagħhom, taħt l-isem ta' "The Ultimate Pop Burlesque Rock Show", kienu jagħtu ġieħ għall-varjetà tas-snin sebgħin. F'Awwissu 2007, it-tnejn li huma ġew mistiedna biex jipparteċipaw f'festival mużikali Lollapalooza, fejn issorprendu lill-udjenza preżenti b'esebizzjoni deskritta bħala selvaġġa.[14]
Grazzi għall-kollaborazzjoni ma' Akon, Gaga bdiet tibni l-materjal proprju tagħha, fejn ħadmet bi sħiħ għall-ewwel album tagħhom, viċin tim ta' produtturi bħal RedOne u Rob Fusari. Wara li għall-bidu bdiet tiċċentra l-mużika tagħha fuq id-dance elettronika avant-garde, sabet it-triq mużikali tagħha meta bdiet tavviċina aktar għall-pop melodiku u għall-glam rock ta' David Bowie u l-grupp Queen;
“ Minn dejjem kont inħobb il-mużika u d-dinja tal-ispettaklu. Inħobb ħafna l-mużika pop, rock u mmur għal kunċerti iżda wkoll it-teatru. Meta skoprejt il-mużika tal-Queen u ta' David Bowie fhimt li stajt inwaħħad flimkien il-pop u r-rock flimkien mad-dance, għar-repertorji tiegħi.[15] ”
Id-debutt: The Fame
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar it-8 ta' April iddebuttat bil-kanzunetta "Just Dance", li laħqet instantanjament it-tieni post fil-klassifika dance tal-Istati Uniti u fl-ewwel post f'seba' pajjiżi — l-Awstralja, l-Irlanda, il-Kanada, l-Olanda, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.[16] F'Awwissu tal-2008 ippubblikat l-album debuttanti tagħha, The Fame, fejn fih għamlet analiżi ta' kull aspett tal-fama u li wieħed isir famuż. L-album jiġbor fih diversi ġeneri mużikali, li jmorru mid-dance għall-elettropop.[13] Fil-frattemp, Lady Gaga bdiet taħdem fil-proġett kollettiv imsejjaħ "Haus of Gaga", fejn ikkollaboraw ma' Gaga fuq il-ħwejjeġ tagħha, ix-xenografija u esperimentazzjoni ta' tipi ġodda ta' ħsejjes.[5] Fil-proġett ipparteċipaw stilisti u produtturi, li taw ħajja għal tim kreattiv fuq mudell tal-"Factory" ta' Andy Warhol.
It-tieni silta mużikali mill-album The Fame, "Poker Face", ħarġet fit-23 ta' Settembru, 2008, u sparat fil-quċċata ta' madwar għoxrin pajjiż, ħafna minnhom ikunu swieq mużikali kbar. "Poker Face" saret ukoll it-tieni kanzunetta konsekuttiva ta' gaga li waslet fl-ewwel post fil-Billboard Hot 100 f'April 2009.[17] Suċċessivament, il-Haus of Gaga bdiet iddawwar l-attenzjoni tagħha lejn is-suq Amerikan b'Gaga tipparteċipa fl-ewwel serje ta' kunċerti flimkien mal-kollegi tagħha fl-Interscope, New Kids on the Block, li kienu għadhom kif reġgħu ngħaqdu. Hi dehret bħala arista mistiedna fil-kanzunetta "Big Girl Now" mill-album ġdid tagħhom, The Block.[18] L-album The Fame kompla jimpressjona fil-klassifiki mondjali, fejn laħaq l-ewwel post fil-Kanada u l-Irlanda, u l-kanzunetti tiegħu ma naqsux li jidhru wkoll fil-quċċatta ta' diversi klassifiki.
Fl-2009 bdew l-ewwel rikonoxximenti tal-ħidmiet tagħhom, bil-kanzunetta "Just Dance" tiġi nominata bħala "L-Aqwa Produzzjoni Dance" fil-51 edizzjoni tal-Grammy Awards, li suċċessivament ġie mirbuħ minn "Harder, Better, Faster, Stronger" ta' Daft Punk. Fit-18 ta' April 2009, flimkien ma' Brandon Flowers tal-grupp The Killers, esebixxiet flimkien mal-Pet Shop Boys fuq il-palk tal-BRIT Awards 2009.
Nhar it-3 ta' Frar 2009 ġiet ippublikata t-tielet kanzunetta tal-album, "Eh, Eh (Nothing Else I Can Say)", li rċiviet ħafna rikonoxximenti fl-Awstralja, fi New Zealand u Franza, minkejja li ma rnexxilhiex tħalli l-istess marka bħad-diski preċedenti. Xahar wara ħarġet ir-raba' kanzunetta, "LoveGame" li kisbet suċċess fl-Amerika. Il-vidjo ta' din il-kanzunetta, madanakollu, qajjem ħafna polemiċi f'diversi pajjiżi fejn ġie ċċensurat u saħansitra, l-istazzjon televiżiv Awstraljan Network Ten irrifjuta li jdoqq dan il-vidjo minħabba kontenut sesswalment espliċitu.[19]
Nhar it-12 ta' Marzu 2009 ingħata l-bidu t-tour fl-Amerika ta' Fuq, The Fame Ball Tour, prodott fuq il-mudell tal-kollettiv Haus of Gaga, b'esebizzjonijiet multimedjali, fejn barra li dan it-tour kien jikkonċentra fuq il-mużika, ta importanza lill-moda u t-teknoloġija. Is-sett ta' kunċerti kienu jinvolvu tapep differenti, minn Los Angeles, San Diego, San Francisco u diversi postijiet oħra. Barraminnhekk, biex tippromwovi s-cd tagħha, esebixxiet f'diversi programmi televiżi kemm dawk Amerikani kif ukoll dawk barranin.
Diskografija
[immodifika | immodifika s-sors]Albums
[immodifika | immodifika s-sors]Sena | Album | Pożizzjoni fil-klassifiki[20][21] | Bejgħ | |||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
USA | AUS | CAN | FRA | GER | IRE | NET | NOR | NZ | UK | |||
2008 | The Fame
|
2 | 4 | 1 | 12 | 1 | 1 | 12 | 4 | 2 | 1 |
|
2009 | The Fame Monster
|
5 | — | — | — | — | — | — | — | — | — | |
2011 | Born This Way | |||||||||||
2013 | Artpop | |||||||||||
2016 | Joanne | |||||||||||
2020 | Chromatica | |||||||||||
2024 | Harlequin |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Spotted: Lady Gaga Celebrates Success In Los Angeles" (bl-Ingliż). MTV News. 2010-08-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-08-10. Miġbur 2010-08-18.
- ^ Pomerantz, Dorothy; Rose, Lacey. "The World's Most Powerful Celebrities" (bl-Ingliż). Forbes. Miġbur 2010-06-29.
- ^ Pomerantz, Dorothy; Rose, Lacey. "The Celebrity 100: #4 Lady Gaga" (bl-Ingliż). Forbes. Miġbur 2010-06-29.
- ^ "Lady GaGa - Biography" (bl-Ingliż). 2009-04-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-05-06. Miġbur 2009-04-16.
- ^ a b ċ "Lady GaGa: the future of pop?" (bl-Ingliż). The New York Times. 2008-12-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-08-27. Miġbur 2009-02-06.
- ^ Barber, Lynn (2009-12-06). "Shady lady: The truth about pop's Lady Gaga" (bl-Ingliż). The Sunday Times. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-03-06. Miġbur 2010-06-14.
- ^ Grigoriadis, Vanessa (2010-03-28). "Growing Up Gaga" (bl-Ingliż). New York Media Holdings. p. 7. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-04-01. Miġbur 2010-03-29.
- ^ Bream, Jon (2009-03-21). "Don't Gag on Gaga" (bl-Ingliż). The Star Tribune Company. Miġbur 2010-01-23.
- ^ Poppell, Seth (2009-12-22). "Lady Gaga was surprisingly normal" (bl-Ingliż). In Touch Weekly. Miġbur 2010-01-23.
- ^ Callahan, Maureen; Sara, Stewart (2010-01-22). "Who's that lady?" (bl-Ingliż). New York Post. Miġbur 2010-03-26.
- ^ Harris, Chris (2008-06-09). "Lady GaGa Brings Her Artistic Vision Of Pop Music To New Album" (bl-Ingliż). MTV Networks. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-12-24. Miġbur 2009-05-07.
- ^ Cowing, Emma (2009-01-20). "Lady GaGa: Totally Ga-Ga". The Scotsman (bl-Ingliż). Miġbur 2009-02-20.
- ^ a b Birchmeier, Jason. "Lady Gaga Overview" (bl-Ingliż). Allmusic. Miġbur 2009-01-13.
- ^ D'Souza, Nandini. "Going GaGa for Lady Gaga" (bl-Ingliż). W Magazine. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-05-13. Miġbur 2009-04-21.
- ^ "Negli Usa tutti pazzi per Lady GaGa" (bit-Taljan). TGcom. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-04-25. Miġbur 2009-04-21.
- ^ "Lady Gaga and Colby O'Donis - Just Dance" (bl-Ingliż). aCharts.us. Miġbur 2009-01-07.
- ^ "Lady Gaga - Poker Face" (bl-Ingliż). aCharts.us. Miġbur 2009-01-03.
- ^ "Big Girl Now (featuring Lady Gaga)" (bl-Ingliż). Amazon.com. Miġbur 2009-12-08.
- ^ Hutchinson, Jane (2009-06-21). "Radio Gaga". Melbourne Herald Sun (bl-Ingliż). News.com.au. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-06-24. Miġbur 2009-06-22.
- ^ "Lady GaGa:The Fame on world charts" (bl-Ingliż). acharts.us. Miġbur 2009-03-04.
- ^ Williams, John (2009-01-25). "Lady GaGa's 'Fame' rises to No. 1". Canadian Albums Chart (bl-Ingliż). Canadian Online Explorer. Miġbur 2009-03-04.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Lady Gaga (Lady Gaga) |