Aqbeż għall-kontentut

Palazz ta' Stoclet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Palazz ta' Stoclet

Il-Palazz ta' Stoclet (jew id-Dar ta' Stoclet; bil-Franċiż: Palais Stoclet, bl-Olandiż: Stocletpaleis) huwa dar kbira fi Brussell, il-Belġju. Il-binja ġiet iddisinjata mill-arkitett Awstrijak Josef Hoffmann għall-finanzier Belġjan Adolphe Stoclet. Il-binja nbniet bejn l-1905 u l-1911 bl-istil tas-Seċessjoni Vjenniża u tinsab f'Avenue de Tervueren fil-muniċipalità ta' Woluwe-Saint-Pierre fi Brussell.[1] Il-binja titqies bħala l-kapulavur ta' Hoffman u hija waħda mill-iktar djar privati raffinati u lussużi tas-seklu 20.[2]

Il-kmamar tal-pranzu u tal-mużika tal-Palazz ta' Stoclet huma eżempju tal-ispazji teatrali tal-Gesamtkunstwerk ("opra tal-arti totali"), u ċelebrazzjoni tad-dawl, tal-ħsejjes u tal-gosti f'sinfonija ta' armoniji senswali li jfakkru l-opri ta' Richard Wagner, li minnu oriġina l-kunċett stess. Fid-disinni tiegħu għall-Palazz ta' Stoclet, Hoffmann qagħad attent li jżomm mal-moda u l-identità Vjenniża tal-istil ġdid fuq ġewwa tal-binjiet, anke meta kien jiddisinja xi libsa għas-Sinjura Stoclet sabiex ikun ċert li ma tistonax mal-kamra tas-salott tagħha kien kien ġara meta kienet libset libsa tal-Franċiż Paul Poiret.[3]

Id-dar privata għadha tintuża bħala proprjetà privata tal-familja Stoclet u mhijiex miftuħa għall-viżitaturi. Il-binja ngħatat status protett mid-Direttorat tal-Monumenti u s-Siti tar-Reġjun Kapitali ta' Brussell[4], u ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCOf'Ġunju 2009.[5]

Stil u disinn

[immodifika | immodifika s-sors]
Detall tad-disinn ta' tħejjija tal-freġji tal-mużajk ta' Gustav Klimt għall-kamra tal-pranzu ewlenija tal-Palazz ta' Stoclet

Il-Palazz ta' Stoclet ġie kkummissjonat minn Adolphe Stoclet (1871-1949), finanzier Belġjan għani u kollezzjonist tal-arti. Huwa għażel l-arkitett Awstrijak Josef Hoffmann (1870-1956), li dak iż-żmien kellu 35 sena u kien membru fundatur tas-Seċessjoni Vjenniża, grupp radikali ta' disinjaturi u artisti li ġie stabbilit fl-1897. Hoffman abbanduna l-moda u l-istili tal-imgħoddi u pproduċa binja li hija kompilazzjoni asimetrika ta' blokok rettangolari, enfasizzati b'linji u b'irkejjen esaġerati.[6]

Il-bini huwa pjuttost deżolat minn barra u dan jittaffa ftit permezz ta' twieqi artistiċi, li bħal donnhom joħorġu minn ġol-qattara tas-saqaf, il-konservatorju fejn is-saqaf, u l-iskulturi tal-bronż ta' erba' rġiel għerwenin magħmula minn Franz Metzner, li huma mmuntati fuq it-torri ta' fuq il-garigor tat-taraġ. Balavostri vertikali reġimentati huma allinjati mal-gallariji, b'ornamentazzjoni tal-istil tal-Art Nouveau.[7]

Il-Palazz ta' Stoclet kien l-ewwel proġett residenzjali għall-Wiener Werkstätte (l-iStudjos Vjenniżi), li Hoffman kien il-kofundatur tagħhom fl-1903. Josef Hoffman u l-kollegi tiegħu ddisinjaw kull aspett tal-palazz, saħansitra sal-pumijiet tal-bibien u l-lampi ta' ġewwa. Id-dar hija awstera minn ġewwa daqs kif inhi minn barra, b'għamara ġeometrika vertikali u ftit ingombru. Dan kien approċċ futuristiku, li kien jippreżenta d-dar bħala "riformata minn ġewwa" u fejn il-funzjoni kienet tiddetta l-forma. Minn ġewwa, il-binja hija ddekorata b'panewijiet tal-irħam u opri tal-arti[8], inkluż freġji tal-mużajk[9] iddisinjati minn Gustav Klimt u magħmula minn Leopold Forstner[10] kif ukoll pitturi kbar mal-ħitan magħmula minn Ludwig Heinrich Jungnickel.[11] Minħabba l-integrazzjoni ta' arkitetti, artisti u artiġjani, il-Palazz ta' Stoclet huwa eżempju ta' Gesamtkunstwerk, waħda mill-karatteristiċi li jiddefinixxu l-Art Nouveau. L-abbozzi ta' Gustav Klimt għall-kamra tal-pranzu jinsabu fil-kollezzjoni permanenti tal-Museum für angewandte Kunst (MAK) fi Vjenna.[12]

L-indirizz tal-Palazz ta' Stoclet huwa 279, Avenue de Tervueren/Tervurenlaan 1150 Woluwe-Saint-Pierre. Il-binja kienet iddisinjata b'tali mod li mit-triq tidher bħala villa urbana imponenti. Minn wara, min-naħa tal-ġnien, il-Palazz ta' Stoclet, skont l-istoriku tal-arkitettura Annette Freytag, isir "villa suburbana bil-faċċata ta' wara mmudellata bħal skultura permezz ta' gallariji, terrazzi, u twieqi li joħorġu 'l barra mil-linja tal-binja u li joħolqu spazju fil-wisa' u t-tul minn ġewwa". Dejjem skont Freytag, il-familja Stoclet kellhom binja bil-"vantaġġi kollha ta' dar urbana kbira u komda u qisha dar tal-villeġġjatura fl-istess ħin".[13]

Adolphe Stoclet miet fl-1949, u l-binja ntirtet minn bintu tar-rispett Annie Stoclet. Wara mewta fl-2002, id-dar intirtet mill-erbat ibniet tagħha. Il-Palazz ta' Stoclet attwalment mhuwiex miftuħ għall-pubbliku. Skont rapporti mill-istampa, il-binja jieħdu ħsiebha żewġ impjegati apposta peress li milli jidher m'hemmx qbil bejn l-erba' neputijiet ta' Adolphe Stoclet dwar x'se jsir mill-Palazz ta' Stoclet fil-ġejjieni.[14][15]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
L-iskulturi tal-bronż fuq it-torri

Il-Palazz (jew id-Dar) ta' Stoclet ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009. Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", ladarba l-Palazz ta' Stoclet huwa kapulavur tal-kreattività tas-Seċessjoni Vjenniża permezz tal-programm estetiku u kunċettwali tal-Gesamtkunstwerk, permezz tal-vokabularju arkitettoniku tal-binja, permezz tal-oriġinalità tagħha, u permezz tal-kwalità eċċezzjonali tad-dekorazzjoni tal-għamara, tal-opri tal-arti u tal-ġnien tagħha – il-binja hija simbolu kkonservat tajjeb ħafna tal-modernità kostruttiva u estetika fil-Punent fil-bidu tas-seklu 20; u l-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ", ladarba abbażi tal-valuri tas-Seċessjoni Vjenniża u l-ħafna artisti tagħha, il-Palazz ta' Stoclet ġie rrikonoxxut mill-bidu nett bħala waħda mill-iktar opri raffinati u rappreżentattivi tagħha fi Brussell, li kien post importanti għall-iżvilupp tal-Art Nouveau – il-binja eżerċitat influwenza konsiderevoli fuq il-moderniżmu fl-arkitettura u fuq it-twelid tal-Art Deco.[5]

  1. ^ Sharp, Dennis (2002). Twentieth Century Architecture. Mulgrave: Images Publishing Group. p. 44. ISBN 978-1-86470-085-5.
  2. ^ Watkin, David (2005). A History of Western Architecture. London: Laurence King Publishing. p. 548. ISBN 978-1-85669-459-9.
  3. ^ Intimus : interior design theory reader. Taylor, Mark, 1955-, Preston, Julieanna. Chichester: John Wiley. 2006. ISBN 9780470015704.
  4. ^ "Palais Stoclet – Inventaire du patrimoine architectural". monument.heritage.brussels (bil-Franċiż). Miġbur 2021-03-14.
  5. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Stoclet House". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-14.
  6. ^ "70 Wonders of the Modern World". Reader's Digest, 1998, p. 1.
  7. ^ Freytag, Anette (2010). "Josef Hoffmann's unknown masterpiece: the garden of Stoclet House in Brussels (1905-1911)". Studies in the History of Gardens and Designed Landscapes. p. 347. ISSN 1460-1176.
  8. ^ Sembach, Klaus-Jurgen (2002). Art Nouveau. Köln: Taschen. p. 225. ISBN 978-3-8228-2022-3.
  9. ^ Freytag, Anette (2010). "Josef Hoffmann's unknown masterpiece: the garden of Stoclet House in Brussels (1905-1911)". Studies in the History of Gardens and Designed Landscapes. p. 366. ISSN 1460-1176.
  10. ^ "Palais Stoclet ist Weltkulturerbe". www.oe24.at (bil-Ġermaniż). 2009-06-27. Miġbur 2021-03-15.
  11. ^ "The Renaissance Society, Modern Austrian Painting Arkivjat 06-04-2012". Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-04-06. Miġbur 2021-03-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ Fletcher, Banister (1996). Sir Banister Fletcher's a History of Architecture (20th ed.). London: Architectural Press. p. 1072. ISBN 978-0-7506-2267-7.
  13. ^ Freytag, Annette, "The Stoclet Frieze" in Natter 2012, pp. 103-104.
  14. ^ "Glimpse into Klimt's hidden dream world". The Telegraph (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-15.
  15. ^ Wise, Michael Z. (2012-02-01). "An Enchanted House Becomes a Family's Curse". Wall Street Journal (bl-Ingliż).