Aqbeż għall-kontentut

Pienza

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Pienza
 Italja
Amministrazzjoni
PajjiżItalja
Region of ItalyToskana
Provinċja tal-ItaljaProvinċja ta' Siena
Isem uffiċjali Pienza
Ismijiet oriġinali Pienza
Kodiċi postali 53026
Ġeografija
Koordinati 43°04′43″N 11°40′44″E / 43.07861°N 11.67889°E / 43.07861; 11.67889Koordinati: 43°04′43″N 11°40′44″E / 43.07861°N 11.67889°E / 43.07861; 11.67889
Pienza is located in Italy
Pienza
Pienza
Pienza (Italy)
Superfiċjenti 122.96 kilometru kwadru
Għoli 491 m
Fruntieri ma' Castiglione d'Orcia (en) Translate, Chianciano Terme (en) Translate, Radicofani (en) Translate, San Quirico d'Orcia (en) Translate, Torrita di Siena (en) Translate, Trequanda (en) Translate, Montalcino (en) Translate, Montepulciano (en) Translateu Sarteano (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 1,976 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0578
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
comune.pienza.siena.it

Pienza (pronunzja: [piˈɛntsa]) huwa raħal u muniċipalità jew komun (bit-Taljan: comune) fil-provinċja ta' Siena, it-Toskana, fir-reġjun storiku ta' Val d'Orcia. Ir-raħal jinsab bejn l-irħula ta' Montepulciano u Montalcino u jitqies bħala "l-ġebla tax-xewka tal-urbaniżmu Rinaxximentali".[1]

Fl-1996, ir-raħal tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[2], filwaqt li fl-2004 il-pajsaġġ kulturali tal-wied kollu tal-madwar, Val d'Orcia, tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ieħor.[3]

Il-pjazza ċentrali ta' Pienza

Fl-imgħoddi r-raħal ta' Pienza kien jissejjaħ Corsignano. Dan jissemma għall-ewwel darba fid-dokumenti tas-seklu 9. Madwar 1,300 parti tar-raħal saru proprjetà tal-familja Piccolomini wara li Enghelberto d'Ugo Piccolomini ngħata l-proprjetà fewdali ta' Montertari f'Val d'Orcia mill-Imperatur Federiku II fl-1220.[4] Fis-seklu 13 l-Ordni tal-Franġiskani stabbilew ruħhom f'Corsignano.[5]

Fl-1405 twieled f'Corsignano Enea Silvio Piccolomini, umanista Rinaxximentali li twieled f'familja eżiljata minn Siena, li iktar 'il quddiem sar il-Papa Piju II. Ladarba sar Papa, Piccolomini ordna li r-raħal kollu jinbena mill-ġdid bħala raħal Rinaxximentali ideali u semmih għalih stess bħala Pienza, li tfisser "il-belt ta' Piju".[6] Minflok post ta' rtir minn Ruma, ir-raħal jirrappreżenta l-ewwel applikazzjoni ta' kunċetti umanistiċi ta' ppjanar urban, u ta spinta għal ippjanar li ġie adottat f'irħula u fi bliet Taljani oħra u li eventwalment infirex f'ċentri Ewropej oħra.

Il-bini mill-ġdid kien sar mill-arkitett minn Firenze, Bernardo Gambarelli (magħruf bħala Bernardo Rossellino) li x'aktarx ħadem mal-umanista u l-arkitett Leon Battista Alberti, għalkemm ma hemm l-ebda dokument li jaċċerta dan għalkollox. Alberti dak iż-żmien kien imqabbad jaħdem mill-Kurja Papali u ħadem bħala konsulent ta' Papa Piju II. Il-kostruzzjoni nbdiet għall-ħabta tal-1459. Il-Papa Piju II kkonsagra l-Katidral fid-29 ta' Awwissu 1462, matul iż-żjara twila tiegħu fis-sajf. Huwa inkluda deskrizzjoni dettaljata tal-istrutturi fil-Kummentarji tiegħu, li kiteb matul l-aħħar sentejn ta' ħajtu.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Pienza ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Attrazzjonijiet ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]

Palazzo Piccolomini

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pjazza ċentrali b'għamla trapezojdali għandha erba' binjiet ewlenin li jispikkaw. Ir-residenza prinċipali, Palazzo Piccolomini, tinsab fuq in-naħa tal-Punent. Il-binja għandha tliet sulari artikolati bil-pilastri u bi twieqi b'għamla ta' salib mal-faċċata kollha. Din l-istruttura hija simili għall-Palazzo Rucellai ta' Alberti f'Firenze u binjiet oħra li nbnew iktar 'il quddiem. Karatteristika notevoli oħra tal-binja hija l-bitħa interna tagħha. Fuq in-naħa ta' wara tal-binja, lejn in-Nofsinhar, hemm loġġa fuq kull sular li jagħtu fuq ġnien Rinaxximentali Taljan magħluq b'modifika ta' dak iż-żmien tal-"ġnien bi stil Taljan", u veduti tal-pajsaġġ ta' Val d'Orcia fil-bogħod kif ukoll tal-Muntanja Amiata iktar lil hinn, li tant kien iħobb il-Papa Piju II. Taħt dan il-ġnien hemm stalla bil-volti li kienet tesa' sa 100 żiemel.

Il-Katidral ta' Pienza

Id-Duomo (il-Katidral), li jiddomina ċ-ċentru tal-pjazza, għandu faċċata li hija waħda mill-iktar bikrin li ġew iddisinjati bi stil Rinaxximentali. Għalkemm id-diviżjoni fi tlieta hija pjuttost konvenzjonali, l-użu ta' pilastri u kolonni, weqfin fuq dadi għoljin u kkollegati bil-ħnejjiet, kien xi ħaġa ġdida għal dak iż-żmien. Madankollu, it-torri tal-kampnar, għandu bixra Ġermanika, l-istess bħall-pjanta tal-Hallenkirche, b'"navata trippla", fejn il-mogħdijiet tal-ġenb huma kważi għoljin daqs in-navata stess. Il-Papa Piju II, qabel sar Papa, qatta' bosta snin fil-Ġermanja u faħħar l-effetti tad-dawl meta kien jidħol fil-knejjes għoljin tal-Ġermanja fil-Kummentarji tiegħu. Fost l-opri tal-arti fil-katidral hemm ħames pitturi fuq l-artal mill-Iskola ta' Siena, ta' Sano di Pietro, Matteo di Giovanni, Vecchietta u Giovanni di Paolo. Il-Battisterju, iddedikat bħas-soltu lil San Ġwann Battista, jinsab maġenb l-apsida tal-knisja.[7]

Il-Palazz tal-Isqof

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Papa Piju II ħeġġeġ il-kardinali jibnu palazzi biex jikkompletaw il-belt. Il-Palazzo Vescovile jew il-Palazz tal-Isqof, fuq naħa oħra tal-pjazza ċentrali, inbena mill-Kardinal Rodrigo Borgia, li dak iż-żmien kien il-Viċi Kanċillier tal-Knisja u l-Papa Alessandru VI futur, sabiex jikkonforma mat-talba tal-Papa Piju II biex il-kardinali jkollhom residenza fir-raħal. Din il-binja saret ir-residenza tal-Isqof ta' Pienza meta r-raħal sar veskovat fl-1462. Issa jospita l-Mużew Djoċesan[8] u l-Mużew tal-Katidral. Il-kollezzjoni tal-binja tinkludi opri lokali bit-tessuti kif ukoll artefatti reliġjużi. Fost il-pitturi hemm kurċifiss impitter tas-seklu 12 mill-Abbazija ta' San Pietru f'Vollore, pitturi tas-seklu 14 ta' Pietro Lorenzetti (Madonna bil-Bambin) u Bartolo di Fredi (Madonna tal-Ħniena). Barra minn hekk, hemm ukoll opri importanti tas-sekli 14 u 15, inkluż Madonna attribwita lil Luca Signorelli.

Il-Palazz Komunali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Palazz u t-Torri Komunali

Faċċata tal-knisja hemm il-Palazz Komunali jew il-muniċipju. Meta Corsigniano ngħata l-istatus ta' belt uffiċjali, kienet meħtieġa binja muniċipali adattata għall-pożizzjoni urbana ġdida ta' "belt", għalkemm iktar inbniet għad-dehra milli għax tassew kien hemm bżonnha. Il-binja għandha loġġa bi tliet arkati fuq il-pjan terran li tħares lejn il-Katidral u fuqha hemm il-kamra tal-kunsill. Għandha wkoll torri tal-kampnar tal-brikks li hu iqsar mill-kontroparti tiegħu tal-katidral, sabiex jissimboleġġa s-setgħa superjuri tal-knisja. Iż-żieda ulterjuri mat-torri tmur lura għall-1599. X'aktarx, Bernardo Rossellino ddisinja l-Palazz Komunali biex ikun medjatur ċiviku ħieles bejn l-ispazju reliġjuż quddiem il-katidral u l-pjazza tas-suq lajka fuq wara.

Il-bir tal-ġebla tal-ġir fil-pjazza ċentrali għandu l-istemma tal-familja Piccolomini, u ġie kkupjat kważi għalkollox fit-Toskana fis-seklu ta' wara. Il-qafas tal-bir qisu skutella baxxa ta' żmien l-Etruski. Il-kolonni joħorġu minn riffieda Korinzji klassiċi b'tiżjin ibbażat fuq materjali lokali.

Binjiet oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Fost il-binjiet l-oħra ta' Pienza li jmorru lura għal żmien il-Papa Piju II hemm il-Palazzo Ammannati, imsemmi għall-Kardinal Jacopo Piccolomini-Ammannati, "ringiela tal-Kurja" ta' tliet palazzi (il-Palazzo Jouffroy jew Atrebatense tal-Kardinal Jean Jouffroy ta' Arras, il-Palazzo Buonconti, tat-Teżorier tal-Vatikan Giliforte dei Buonconti, u l-Palazzo Lolli li nbena mis-segretarju appostoliku u qarib tal-Papa, Gregorio Lolli), tul it-triq ta' wara l-Palazz tal-Isqof. Fit-triq prinċipali hemm ukoll il-Palazzo Gonzaga, li nbena fl-1463 mill-Kardinal Francesco Gonzaga, il-Palazzo Forteguerri, li nbena fl-1460 minn Ambrogio Fortguerri, it-Teżorier Appostoliku, u l-Palazzo ta' Ambrogio Spannocchi, li issa jissejjaħ Palazzo Cittadini, mill-ġdid tas-seklu 15. Fir-rokna tal-Grigal ta' Pienza, f'Via Casanuova, hemm sensiela ta' tnax-il dar f'ringiela li nbnew skont l-ordnijiet tal-Papa mill-kuntrattur tal-bini minn Siena, Pietro Paolo da Porrina.

Madwar ħamsin metru fil-Punent tal-pjazza tal-Katidral hemm il-Knisja ta' San Franġisk, b'faċċata bil-fruntun ta' saqaf forfċi u b'portal Gotiku. Il-knisja hija waħda mill-binjiet li baqgħu jeżistu miż-żmien meta l-belt kienet għadha msejħa Corsignano, u nbniet fuq knisja antika oħra tas-seklu 8. Fuq ġewwa hemm affreski tal-ħajja ta' San Franġisk; dawk li hemm mal-ħitan tpittru minn Cristofano di Bindoccio u Meo di Pero, żewġ artisti tas-seklu 14 tal-Iskola ta' Siena.

Il-kappella Rumaneska magħrufa bħala Pieve ta' Corsignano tinsab qrib il-belt. Il-monasteru ta' Sant'Anna f'Camprena ġiet stabbilita fl-1332-1334 minn Bernardo Tolomei bħala eremitaġġ għall-Benedittini; ġie rikostruwit fl-aħħar tas-seklu 15 u fil-bidu tas-seklu 16, u diversi drabi fis-sekli ta' wara. Ir-refettorju fih affreski ta' Il Sodoma (1502–1503).

Monticchiello

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-distrett ta' Monticchiello jospita Romitorio karatteristiku, li huwa sensiela ta' grotti mħaffrin fil-blat minn patrijiet eremiti fl-imgħoddi. Fl-istess lokalità hemm il-Pieve dei Santi Leonardo e Cristoforo, li ġiet rikostruwita fis-seklu 13 bi stil Gotiku. Fuq ġewwa hemm affreski minn pittur ta' Siena tas-seklu 14, cyborium bl-għamla ta' portal Gotiku żgħir u kurċifiss tas-seklu 15. F'San Pietro in Campo hemm il-fdalijiet ta' abbazija bl-istess isem.

Monticchiello huwa ċentrali fid-dokumentarju Spettacolo.

  1. ^ Adams, Nicholas (Mejju 1985). "The Acquisition of Pienza, 1459-1464". Journal of the Society of Architectural Historians. 44 (2): 99–110.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of the City of Pienza". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-05.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Val d'Orcia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-05.
  4. ^ Tönnesmann, Andreas (2013) [First published 1990]. Pienza: Städtebau und Humanismus (in German) (3rd ed.). Munich: Hirmer. ISBN 978-3-8031-2717-4. p. 35.
  5. ^ Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Piccolomini" . Encyclopædia Britannica. Vol. 21 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 580.
  6. ^ Haegen, Anne Mueller von der; Strasser, Ruth F. (2013). "Pienza". Art & Architecture: Tuscany. Potsdam: H.F.Ullmann Publishing. pp. 394–395. ISBN 978-3-8480-0321-1.
  7. ^ Henk W. van Os, "Painting in a House of Glass: The Altarpieces of Pienza" Simiolus: Netherlands Quarterly for the History of Art 17.1 (1987, pp. 23-38)
  8. ^ "Masterpieces at the Diocesan Museum in Pienza | Visit Tuscany". www.visittuscany.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-05.