Aqbeż għall-kontentut

Statwa ta' Roland ta' Bremen

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Istatwa ta' Roland ta' Bremen

L-Istatwa ta' Roland ta' Bremen hija statwa ta' Roland li saret fl-1404. Tinsab fil-Pjazza tas-Suq, il-pjazza ewlenija ta' Bremen, il-Ġermanja, tħares lejn il-katidral, u turi lil Roland, il-paladin tal-ewwel Imperatur tal-Imperu Ruman Sagru Karlu Manju, u l-eroj tal-Battalja tal-Mogħdija Muntanjuża ta' Roncevaux.

Roland huwa magħruf bħala l-protettur tal-belt: ix-xabla leġġendarja tiegħu (magħruf fil-leġġenda tal-Kavallieri bħala Durendal) hija mikxufa, u t-tarka tiegħu hija mżejna bl-ajkla imperjali b'żewġ irjus.

L-istatwa ta' Roland bilwieqfa hija twila 5.47 metri, u qiegħda fuq rostrum (pedestall) għoli 60 cm. Kolonna li tirfed l-istatwa, b'baldakkin fil-quċċata tagħha, twassal l-għoli kkombinat għal 10.21 metri. L-istatwa ġiet imnaqqxa mill-ġebla tal-ġir minn Elm, u ġiet ikkummissjonata mill-mexxejja tal-belt biex jissostitwixxu waħda li nħarqet fl-1366 mill-Prinċep-Arċisqof Albert II. Tinsab faċċata tal-knisja bħala rappreżentazzjoni tad-drittijiet tal-belt b'kuntrast mal-jeddijiet territorjali tal-prinċep-arċisqof.

Il-kitba fuq it-tarka hija din li ġejja: "vryheit do ik ju openbar / d’ karl vnd mēnich vorst vorwar / desser stede ghegheuen hat / des danket god’ is mī radt".

Din il-kitba tfisser: "Libertà, jien nappella għalik / kif għamlu Karl u bosta nies nobbli tabilħaqq / f'dan il-post. / Niżżikħajr lill-Alla, dan huwa l-parir tiegħi".

Statwi ta' Roland jidhru f'bosta bliet tal-eks Imperu Ruman Sagru, bħala emblemi tad-drittijiet tal-belt (bil-Ġermaniż: Stadtrechte). L-istatwa ta' Roland fi Bremen hija l-eqdem eżempju eżistenti. Minn Bremen, is-simbolu tal-libertà ċivika u tal-ħelsien infirex fi bliet oħra u sar simbolu tal-Ewropa l-ġdida. Mill-1973 saret protetta permezz tal-att dwar il-protezzjoni tal-monumenti.[1] F'Lulju 2004, flimkien mal-Muniċipju ta' Bremen, l-istatwa żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Muniċipju u l-Istatwa ta' Roland ta' Bremen fil-Pjazza tas-Suq ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Kartolina ta' Bremen għall-ħabta tal-1905 li turi l-istatwa ta' Roland ta' Bremen fil-pjazza ewlenija

Skont leġġenda, Bremen se tibqa' ħielsa u indipendenti diment li l-istatwa ta' Roland tibqa' tħares il-belt. Għal din ir-raġuni, jingħad li hemm it-tieni statwa ta' Roland moħbija taħt l-art fil-muniċipju ta' Bremen, li tista' tiġi installata malajr bħala sostitut jekk jiġri xi ħaġa lill-istatwa oriġinali.

Kleiner Roland

[immodifika | immodifika s-sors]

Statwa iżgħar ta' Roland (bil-Ġermaniż: Kleiner Roland) f'Neustadt tħejjiet fl-1737 mill-ewwel Neustädter Bürgerkompanie bħala riżultat tal-fatt li ċ-ċittadini ta' Neustadt kellhom drittijiet ta' ċittadinanza limitati ħafna mill-1642. Hija bbażata fuq l-istatwa l-kbira ta' Roland tal-1404.

Fiha kitba li tgħid: "Għandkom l-istatwa l-kbira hemmhekk, filwaqt li aħna għandna ż-żgħira. Aħna m'aħniex belt kbira, aħna belt żgħira miżjuda magħha, iżda aħna belt daqskom".

  1. ^ "Roland - Landesamt für Denkmalpflege". www.denkmalpflege.bremen.de. Miġbur 2022-03-19.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Town Hall and Roland on the Marketplace of Bremen". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-19.