Monasteru ta' Hosios Loukas
Il-Monasteru ta' Hosios Loukas (bil-Grieg: Ὅσιος Λουκᾶς) huwa monasteru storiku mdawwar bil-ħitan li jinsab qrib ir-raħal ta' Distomo, f'Boeotia, il-Greċja. Stabbilit f'nofs is-seklu 10, il-monasteru huwa wieħed mill-iżjed monumenti importanti tal-arkitettura u tal-arti Biżantina Nofsana, u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1990, flimkien mal-monasteri ta' Nea Moni u ta' Dafni.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-monasteru ta' Hosios Loukas jinsab f'sit xeniku fix-xaqlibiet tal-Għolja ta' Helicon. Ġie stabbilit fil-bidu tas-seklu 10 W.K. minn eremita, il-Venerabbli (bil-Grieg: Hosios) Luqa ta' Steiris (bil-Grieg: Lukas). Ir-relikwi ta' dan l-eremita jinżammu fil-monasteru u għadhom hemm sa llum il-ġurnata. San Luqa (li ma għandux jiġi mħawwad mal-Evanġelista li kien l-awtur tal-Vanġelu ta' San Luqa) kien eremita li miet fis-7 ta' Frar 953. Huwa sar famuż peress li bassar il-ħakma ta' Kreta mill-Imperatur Romanos. Ma kienx ċar jekk kienx qed jirreferi għal Romanos I, l-imperatur ta' dak iż-żmien. Madankollu, il-gżira effettivament reġgħet inħakmet minn Nicephorus Phocas taħt Romanos II. Huwa maħsub li l-Knisja tat-Teotokos (Panagia) tal-monasteru nbniet matul ir-renju ta' dan tal-aħħar (959-963).
Is-santwarju prinċipali tal-monasteru huwa l-qabar ta' San Luqa, li oriġinarjament kien jinsab fil-volta, iżda iktar 'il quddiem tqiegħed bejn iż-żewġ knejjes. Il-monasteru kiseb il-ġid kollu tiegħu (inkluż il-fondi meħtieġa għall-kostruzzjoni) mill-fatt li r-relikwi ta' San Luqa ngħad li ħareġ minnhom il-myron, xorta ta' żejt ifuħ li kien jipproduċi mirakli tal-fejqan. Il-pellegrini bit-tama li jseħħ xi miraklu kienu mħeġġa jorqdu maġenb il-qabar sabiex jiġu mfejqa permezz ta' inkubazzjoni. Il-mużajk madwar il-qabar jirrappreżenta mhux biss lil San Luqa nnifsu, iżda wkoll lill-igumenu Philotheos li jidher qed joffri mudell tal-knisja l-ġdida lill-qaddis.
Taħt l-Imperu Latin fl-1206, il-legat Benedittu ta' Porto ta l-kanoni tas-Sepolkru Mqaddes lil Hosios Loukas.[2]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Knisja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-knisja prinċipali tal-monasteru ta' Hosios Loukas, l-eqdem fil-kumpless kollu, hija l-unika knisja li huwa magħruf fiċ-ċert li nbniet f'postha fis-seklu 10 fil-Greċja kontinentali.[3] Din il-binja b'għamla ta' parallelogramma ċentralizzata hija l-eqdem eżempju ta' knisja b'għamla ta' salib ġo kwadru fil-pajjiż; il-pjanta tagħha ssegwi dik tal-Monasteru ta' Lips f'Kostantinopli. Il-ħitan huma tal-opus mixtum (parti tal-brikks, parti tal-ġebel u parti tal-irħam) u fihom mudelli psewdokufiċi strambi.
Il-knisja ta' Hosios Loukas tinsab biswit knisja-katidral ikbar jew Katholikon, li tmur lura bejn wieħed u ieħor għall-1011-1012. Il-Katholikon huwa l-iżjed knisja bikrija eżistenti msaqqfa b'koppla ottagonali, b'erba' pilastri rranġati madwar il-perimetru tan-naos (navata). Il-koppla emisferika (mingħajr tanbur) iserraħ fuq erba' rkejjen triangolari li joħolqu tranżizzjoni mill-bażi ottagonali taħt il-koppla sal-kwadru ddefinit permezz tal-ħitan iktar 'l isfel.[4] Il-kubu prinċipali tal-knisja huwa mdawwar b'galleriji u b'kappelli fuq kull waħda mill-erba' naħat.
Tiżjin
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monasteru ta' Hosios Loukas huwa l-ikbar wieħed mit-tliet monasteri eżistenti mill-perjodu Biżantin Nofsani fil-Greċja. Huwa differenti mill-Monasteru ta' Dafni u mill-Monasteru ta' Nea Moni peress li huwa ddedikat lil qaddis militari wieħed. Il-profezija ta' San Luqa dwar il-ħakma mill-ġdid ta' Kreta tiġi mfakkra permezz tax-xbieha ta' Ġoxwa fuq il-ħajt ta' barra tal-knisja tal-Panagia: Ġoxwa kien meqjus bħala mudell ta' "ġellied tal-fidi", u l-għajnuna tiegħi kienet effettiva speċjalment fil-gwerer kontra l-Għarab. Il-Katholikon fih l-aqwa mużajk ikkonservat minn żmien ir-Rinaxximent tal-Maċedonja. Madankollu, il-kumpless mhuwiex komplut: ix-xbieha oriġinali ta' Kristu Pantokrator fi ħdan il-koppla hija nieqsa, l-istess bħall-figuri tal-arkanġli li normalment kienu jitpoġġew bejn it-twieqi ta' fuq.
Hemm evidenza li l-monasteru kien magħruf ma' Biżanju kollu għat-tiżjin rikk tiegħu, preżenti liberament fuq is-superfiċi kollha. Apparti t-tlibbis, it-tinqix, il-pjanċi tad-deheb u tal-fidda, l-affreski u l-mużajk (speċjalment imponenti fuq is-superfiċi b'kurvatura), fuq ġewwa kien hemm għażla mħallta ta' ikoni, kandilabri, purtieri tal-ħarir u drappijiet tal-arta. Frazzjon biss minn dawk l-oġġetti għadhom fil-post; l-iktar notevoli huma l-finituri kkuluriti tal-irħam u l-gwarniċi tat-twieqi. Minkejja t-telf, il-Katholikon "għadu jagħti l-aqwa impressjoni disponibbli kullimkien ta' kif kienet il-bixra tal-knisja minn ġewwa fl-ewwel sekli wara tmiem l-Ikonoklażma".[5]
Kripta Funebri
[immodifika | immodifika s-sors]Taħt il-Katholikon bil-koppla l-kbira huma l-kripta funebri, li hija aċċessibbli biss permezz ta' taraġ man-naħa tan-Nofsinhar.
Il-kripta għandha tliet żoni distinti: id-daħla; l-ispazju prinċipali fuq ġewwa li jinkludi disa' niċeċ jew kappelli bil-volti u santwarju bil-volti u b'apsida; kif ukoll tliet passaġġi bil-volti, li qabel kienu jissejħu volti qishom kustilji.[6]
L-affreski tal-kripta sa ftit żmien ilu kienu mgħottijin b'mijiet ta' snin ta' trab u kienu moħbija, iżda fis-snin 60 tas-seklu 20 il-kripta sarilha tindif mis-Servizz Arkeoloġiku Grieg li żvela l-kundizzjoni ppreservata sew tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-apsida li tilfet il-biċċa l-kbira tat-tkaħħil tagħha u fejn issa jidhru l-brikks u l-ġebel ta' taħt, kif ukoll il-volta tad-daħla li ġarrbu ftit ħsarat mill-iskular tal-ilma u minn xi ftit vandaliżmu, l-iktar fuq il-lunetti t'isfel u qrib id-daħla.
Il-kripta fiha affreski fuq id-daħla u fuq il-volta tagħha, tmien lunetti madwar il-ħitan b'rappreżentazzjonijiet tal-Passjoni u tal-Qawmien mill-Mewt ta' Kristu, u erbgħin medaljun b'ritratti tal-appostli, tal-martri, tal-qaddisin, u tal-patrijiet superjuri, fosthom Philotheos, kif ukoll bosta kitbiet imnaqqxa. C.L. Connor isostni li l-monasteru "għandu l-iżjed programm komplut ta' affreski mal-ħitan tal-perjodu Biżantin Nofsani".[7]
Huwa maħsub li l-biċċa l-kbira tal-affreski tal-kripta, jekk mhux kollha, ġew impittrin wara l-1048 W.K. u l-mewt ta' Theodore Leobachus, membru tal-elit għani tal-gvern, li jingħad li huwa wieħed mill-patruni prominenti u li iktar 'il quddiem f'ħajtu sar il-patri superjuri tal-Monasteru ta' Hosios Loukas.[8]
Is-santwarju tal-kripta fih niċċa b'prosteżi, artal, u ħajt diviżorju tal-presbiterju li kollha jindikaw li l-Ewkaristija x'aktarx li kienet iċċelebrata hawnhekk bħala parti mis-servizzi funebri u tal-kommemorazzjoni ta' figuri reliġjużi meqjuma, jew bħala parti miċ-ċerimonji marbuta mat-twemmin tal-fejqan ta' San Luqa.
Meta l-Monasteru ta' Hosios Loukas kienu jżuruh il-pellegrini jew il-membri tat-twemmin tal-fejqan ta' San Luqa, il-viżitaturi kienu jorqdu mhux biss fil-Katholikon, iżda saħansitra fil-kripta nnifisha fejn kien ikun hemm il-qabar flimkien ma' tnejn oħra, li hu maħsub li kienu tal-patrijiet superjuri. San Luqa kien meqjus bħala fejjieq, levitatur, alimentatur u profeta mirakoluż matul ħajtu; wara mewtu, il-mirakli kollha assoċjati miegħu kienu jinvolvu s-setgħa tal-fejqan tal-qabar tiegħu. Connor isostni li minn Il-Ħajja ta' San Luqa, miktub minn patri anonimu, joħroġ fid-dieher li l-"aġenti fejjieqa" assoċjati mal-qabar jinkludu iżda mhumiex limitati għall-esponiment għaż-"żejt mil-lampa ta' fuq il-qabar, l-indewwa mill-qabar, u l-ħolm esperjenzat meta wieħed kien jorqod qrib il-qabar fil-prattika msejħa l-inkubazzjoni". Il-qabar kienu jżuruh in-nies kemm qabel kif ukoll wara t-tlestija tal-kumpless, iżda wara t-tlestija tiegħu sar il-qalba tat-twemmin tal-mirakli ta' San Luqa. Hemm evidenza li x-xewqa ta' xi wħud għat-twettiq tal-mirakli kienet iddum saħansitra sa sitt ijiem qrib il-qabar jew fil-kmamar fil-qrib.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monasteru ta' Hosios Loukas ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990 flimkien mal-Monasteri ta' Nea Moni u ta' Dafni.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Mużajk ta' żewġ anġli.
-
Affresk fuq ġewwa.
-
Veduta tal-koppla minn ġewwa.
-
Il-mużajk tan-narthex.
-
Mużajk ta' San Ġwann.
-
Mużajk ta' San Mark.
-
Mużajk ta' San Mikiel.
-
Mużajk ta' San Pawl.
-
Mużajk ta' Djoniżju l-Areopagita.
-
Mużajk ta' Żakkarija.
-
Veduta tal-knisja t'isfel (kripta).
-
L-affreski tal-kripta.
-
Iktar affreski.
-
Affresk fil-kripta.
-
Affresk ta' San Indrija.
-
Affresk ta' San Luqa.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]-
Interior mosaic
-
Fresco of the interior
-
View of the dome
-
Mosaics of the narthex
-
St John
-
St Mark
-
St Michael
-
St Paul
-
Zacharias
-
View of the lower church (crypt)
-
Frescos at the crypt
-
Frescos
-
Fresco at the crypt
-
St Andrew
-
St Luke
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Monasteries of Daphni, Hosios Loukas and Nea Moni of Chios". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-25.
- ^ Van Tricht, Filip (2011). The Latin Renovatio of Byzantium: The Empire of Constantinople (1204–1228). Brill. p. 450.
- ^ Rosemary Morris. Monks and Laymen in Byzantium, 843-1118. Cambridge University Press, 1995. ISBN 0-521-31950-1. p. 27.
- ^ Linda Safran. Heaven on Earth: Art and the Church in Byzantium. ISBN 0-271-01670-1. p. 127.
- ^ Banister Fletcher's A History of Architecture (ed. by Dan Cruickshank). Architectural Press, 1996. ISBN 0-7506-2267-9. p. 310.
- ^ Connor, C.L. (1991). Art and miracles in medieval Byzantium: The crypt at Hosios Loukas and its frescoes. Princeton, NJ: Princeton University Press. pp. 3-9, 93-97.
- ^ "Hosios Loukas". Grove Art Online (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-25.
- ^ Oikonomides, Nicolas (1992-01-01). "The First Century of the Monastery of Hosios Loukas". Dumbarton Oaks Papers. 46: 245–255.