Nessebar
Nessebar | |||
---|---|---|---|
Bulgarija | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Pajjiż | Bulgarija | ||
Oblast of Bulgaria | Provinċja ta' Burgas | ||
Municipality of Bulgaria | Muniċipalità ta' Nessebar | ||
Isem uffiċjali |
Несебър Nesebar | ||
Ismijiet oriġinali | Несебър | ||
Kodiċi postali |
8230 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 42°39′34″N 27°43′29″E / 42.659507°N 27.724724°EKoordinati: 42°39′34″N 27°43′29″E / 42.659507°N 27.724724°E | ||
Superfiċjenti | 31.85 kilometru kwadru | ||
Għoli | 30 m | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 15,506 abitanti (15 Marzu 2024) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
0554 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+2u UTC+3 | ||
bliet ġemellati | Distrett XVIII ta' Budapest, Oħrid, Kotoru San Pietruburgu | ||
nesebarinfo.com |
Nessebar (spiss traskritta wkoll bħala Nesebar jew Nesebur, bil-Bulgaru: Несебър, ippronunzjata [nɛˈsɛbɐr]) hija belt antika u waħda mill-iżjed bliet ewlenin bil-baħar tul il-kosta tal-Baħar l-Iswed, li tinsab fil-Provinċja ta' Burgas. Hija ċ-ċentru amministrattiv tal-Muniċipalità ta' Nessebar. Spiss imlaqqma l-"Perla tal-Baħar l-Iswed", Nessebar hija belt-mużew rikka li ssawret b'iktar minn tliet millenji ta' evoluzzjoni storika. Il-belt żgħira teżisti f'żewġ partijiet isseparati minn istmu dejjaq magħmul mill-bniedem, b'parti antika tal-insedjament fuq il-peniżola (li qabel kienet gżira), u b'parti iktar moderna (bil-lukandi u bl-iżvilupp modern) fuq in-naħa tal-art kontinentali. Il-parti l-antika fiha evidenza ta' okkupazzjoni minn varjetà ta' ċivilizzazzjonijiet differenti tul l-eżistenza tagħha.
Hija waħda mill-iżjed destinazzjonijiet turistiċi u portijiet marittimi prominenti mal-Baħar l-Iswed, f'żona li saret tassew popolari b'diversi lukandi kbar — l-ikbar żona hija magħrufa mat-turisti bħala Sunny Beach (il-Bajja Xemxija) u tinsab fit-Tramuntana ta' Nessebar.
Nessebar sabet ruħha diversi drabi fil-frunitera ta' imperu mhedded, u għaldaqstant hija belt bi storja rikka ħafna. Minħabba l-abbundanza ta' binjiet storiċi fil-belt, iċ-ċentru storiku tal-belt ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]
Sa Diċembru 2019, il-belt kellha popolazzjoni ta' 13,600 abitant.[2]
Isem
[immodifika | immodifika s-sors]L-insedjament kien magħruf bil-Grieg bħala Mesembria (bil-Grieg: Μεσημβρία), xi kultant imsemmi Mesambria jew Melsembria (jiġifieri l-belt ta' Melsas).[3] Jingħad li l-isem jaf oriġina minn Melsambria ta' Traċja.[4] Madankollu, l-oriġini Traċjana ta' dak l-isem hi kemxejn dubjuża. Barra minn hekk, it-tradizzjoni rigward Melsas, bħala l-fundatur tal-belt, hija dgħajfa u hija parti minn ċiklu ta' leġġendi etimoloġiċi abbundanti fost il-bliet Griegi. Milli jidher ukoll, il-ġrajja ta' Melsas kienet rikostruzzjoni aħħarija tal-perjodu Ellenistiku, meta Mesembria kienet belt kostali importanti.[5]
Qabel l-1934, l-isem Bulgaru komuni tal-belt kien Месемврия, Mesemvriya. Dan ġie sostitwit bl-isem attwali, li qabel kien jintuża fid-djalett ta' Erkech biswit Nessebar. Iż-żewġ forom tal-isem x'aktarx li oriġinaw mill-isem Grieg ta' Mesembria.[6]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-arkeologa Bulgara Lyuba Ognenova-Marinova mexxiet sitt spedizzjonijiet arkeoloġiċi taħt l-ilma għall-Akkademja Bulgara tax-Xjenzi bejn l-1961 u l-1972[7][8] fl-ilmijiet tul il-kosta Bulgara tal-Baħar l-Iswed. Ix-xogħol tagħha wassal għall-identifikazzjoni ta' ħames perjodi kronoloġiċi ta' urbanizzazzjoni fuq il-peniżola madwar Nessebar sal-aħħar tat-tieni millenju Q.K., li kienu jinkludu il-protopoli Traċjana, il-kolonja Griega ta' Mesambria, villaġġ immexxi mir-Rumani sal-Perjodu Kristjan Bikri, insedjament Medjevali u raħal Rinaxximentali, magħruf bħala Mesembria jew Nessebar.
Ix-xogħol tal-inġinerija madwar il-kosta tal-peniżola twettaq fis-snin 80 tas-seklu 20, kemm għall-preservazzjoni tal-kosta (u tal-importanza storika tagħha) kif ukoll għall-konsolidazzjoni taż-żona bħala port.[9]
Antikità
[immodifika | immodifika s-sors]Oriġinarjament insedjament Traċjan magħruf bħala Mesembria, ir-raħal sar kolonja Griega meta ġie insedjat mid-Dorjani minn Megara fil-bidu tas-seklu 6 Q.K. Minn hemm 'il quddiem ir-raħal sar ċentru kummerċjali importanti u rivali ta' Apollonja (Sozopol). Baqa' l-unika kolonja Dorjana tul il-kosta tal-Baħar l-Iswed, peress li l-kumplament kienu kolonji tipiċi tal-Baħar Jonju. Fl-425-424 Q.K. ir-raħal ingħaqad mal-Lega Deljana, taħt it-tmexxija ta' Ateni.[10]
Il-fdalijiet li nstabu jmorru lura l-iktar għall-perjodu Ellenistiku u jinkludu akropoli, tempju ta' Apollo u agora. Ħajt li kien parti mill-fortifikazzjonijiet Traċjani għadu viżibbli fin-naħa tat-Tramuntana tal-peniżola.
F'Mesembria ġew zekkati muniti tal-bronż u tal-fidda mis-seklu 5 Q.K. u muniti tad-deheb mis-seklu 3 Q.K. Ir-raħal spiċċa taħt ir-Rumani fil-71 Q.K., iżda baqa' jgawdi l-privileġġi li kellu, bħad-dritt li jizzekka l-muniti tiegħu stess.[11]
Medjuevu
[immodifika | immodifika s-sors]Mesembria kienet waħda mill-iżjed fortizzi importanti tal-Imperu Ruman tal-Lvant mis-seklu 5 W.K. 'il quddiem, iġġieldu għaliha l-Biżantini u l-Bulgari, u nħatfet u ġiet inkorporata fl-artijiet tal-Ewwel Imperu Bulgaru fit-812 mill-Khan Krum wara assedju ta' ġimagħtejn, allavolja mbagħad ġiet ċeduta mill-ġdid lil Biżanzju minn Knyaz Boris I fit-864 u nħakmet mill-ġdid minn ibnu il-Ksar Xmun il-Kbir. Matul it-Tieni Imperu Bulgaru l-belt ġiet ikkontestata wkoll mill-forzi Bulgari u Biżantini u gawdiet prosperità partikolari taħt il-Ksar Bulgaru Ivan Alexander (1331-1371) sa ma nħakmet mill-ġellieda tal-Kruċjati mmexxija minn Amadeus VI, il-Konti tas-Savoia fl-1366. Il-verżjoni Bulgara tal-isem, trażlitterata bħala Nesebar jew Mesebar, ġiet iddokumentata mis-seklu 11.
Fost il-monumenti Medjevali hemm l-iStara Mitropoliya ("veskovat l-antik"; magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta' Santa Sofija), bażilika tas-seklu 5-6 mingħajr transett; il-knisja tas-seklu 6 iddedikata lill-Madonna; u n-Nova Mitropoliya ("veskovat il-ġdid"; magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta' San Stiefnu) tas-seklu 11 li baqgħet tissebbaħ sas-seklu 18. Fis-sekli 13 u 14 inbniet sensiela notevoli ta' knejjes: ta' San Teodoru, San Paraskeva, San Mikiel, San Gabriel u San Ġwann Aliturgetos.
Ottomani
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1453 il-belt inħatfet mill-Imperu Ottoman u dan immarka l-bidu tad-deklin tagħha, iżda l-wirt arkitettoniku tagħha baqa' intatt u ġie arrikkit fis-seklu 19 bil-kostruzzjoni ta' djar tal-injam bi stil tipiku tal-kosta Bulgara tal-Baħar l-Iswed f'dak il-perjodu. Fil-bidu tas-seklu 19 bosta ċittadini lokali ngħaqdu fl-organizzazzjoni patrijottika Griega, Filiki Eteria, filwaqt li meta faqqgħet il-Gwerra Griega tal-Indipendenza (1821), parti miż-żgħażagħ tal-belt ħadu sehem fit-taqbida taħt Alexandros Ypsilantis.
Nessebar kienet ċentru kaza fis-sanjak ta' İslimye tal-Provinċja ta' Edirne qabel l-1878.
Tielet Stat Bulgaru
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-Liberazzjoni tal-Bulgarija mill-ħakma Ottomana fl-1878, Nessebar saret parti mill-provinċja Ottomana awtonoma tal-Lvant ta' Rumelia fid-dipartiment ta' Burgas sa ma ngħaqdet mal-Prinċipat tal-Bulgarija fl-1885. Għall-ħabta ta' tmiem is-seklu 19, Nessebar kienet raħal żgħir ta' sajjieda u ta' vitikolturi Griegi. Fl-1900 ir-raħal kellu popolazzjoni ta' madwar 1,900 ruħ, li 89 % minnhom kienu Griegi[12], iżda baqa' raħal relattivament vojt. Żviluppa bħala belt ewlenija Bulgara żviluppat mal-baħar mill-bidu tas-seklu 20. Wara l-1925 inbniet parti ġdida moderna tal-belt u ċ-ċentru storiku antik tal-belt ġie rrestawrat.[13]
Knejjes
[immodifika | immodifika s-sors]Nessebar xi kultant jingħad li hija l-belt bl-ogħla għadd ta' knejjes pro capita. Illum il-ġurnata hemm total ta' erbgħin knisja, sħaħ jew fdalijiet, fl-inħawi tal-belt. Uħud mill-iżjed famużi jinkludu:
- il-Knisja ta' Santa Sofija jew il-Veskovat l-Antik (Stara Mitropoliya) (is-sekli 5 - 6)
- il-Bażilika tal-Madonna ta' Eleusa (is-seklu 6)
- il-Knisja ta' San Ġwann il-Battista (is-seklu 11)
- il-Knisja ta' San Stiefnu jew il-Veskovat il-Ġdid (Nova Mitropoliya) (is-seklu 11; rikostruwita fis-sekli 16-18)
- il-Knisja ta' San Teodoru (is-seklu 13)
- il-Knisja ta' San Paraskevi (is-sekli 13-14)
- il-Knisja tal-Arkanġli Mqaddsa Mikiel u Gabriel (is-sekli 13-14)
- il-Knisja ta' Kristu Pantokrator (is-sekli 13-14)
- il-Knisja ta' San Ġwann Aliturgetos (is-seklu 14)
- il-Knisja ta' San Spas (is-seklu 17)
- il-Knisja ta' San Klement (is-seklu 17)
- il-Knisja ta' Marija Assunta (is-seklu 19)
Il-knejjes ta' Nessebar, li nbnew taħt it-tmexxija tal-Biżantini, tal-Bulgari jew tal-Ottomani, jirrappreżentaw il-wirt arkitettoniku rikk tad-dinja Ortodossa tal-Lvant u juru l-iżvilupp gradwali mill-bażiliki Kristjani Bikrin għall-knejjes Medjevali b'għamla ta' salib u msaqqfa bil-koppli.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Belt Antika ta' Nessebar ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Sport
[immodifika | immodifika s-sors]It-tim lokali tal-futbol ta' PFC Nesebar jieħu sehem fil-kampjonat tal-futbol nazzjonali tat-tielet diviżjoni (dilettanti). Il-grawnd tal-klabb jesa' sa 6,000 spettatur u jintużaw ukoll grawnd komplementari għall-kiri jew għall-prattika.
- Tennis
Fil-belt hemm bosta possibbiltajiet fejn wieħed jista' jilgħab it-tennis speċjalment fl-istaġun tas-sajf. Iż-żewġ klabbs prinċipali b'courts fil-beraħ u fuq ġewwa huma TC Egalite u l-Akkademja tat-Tennis ta' Nessebar.[14]
Tribut
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Distakk ta' Nessebar fuq il-Gżira ta' Livingston fil-Gżejjer tan-Nofsinhar ta' Shetland, l-Antartika, huwa msemmi għall-belt ta' Nessebar.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Il-Knisja ta' Kristu Pantokrator.
-
Il-Knisja ta' San Stiefnu.
-
Il-Knisja ta' San Ġwann il-Battista.
-
Il-mitħna tal-injam qabel id-daħla tal-belt.
-
Djar tipiċi tal-injam fiċ-ċentru storiku.
-
Il-Knisja ta' Santa Sofija.
-
Iċ-ċentru ta' Nessebar.
-
Veduta panoramika ta' Nessebar.
-
Il-parti l-ġdida ta' Nessebar.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Nessebar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
- ^ "Popolazzjoni". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-11-13. Miġbur 2023-06-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Shuckburgh, E.S., ed. (1976). Herodotos, VI, Erato ([Reprinted]. ed.). Cambridge: University Press. p. 236. ISBN 9780521052481.
- ^ Ivanov, Rumen Teofilov (2007). Roman cities in Bulgaria, Vol. 2. National Museum of Bulgarian Books and Polygraphy. p. 41. ISBN 9789544630171.
- ^ Nawotka, Krzysztof (1997). The Western Pontic cities: history and political organization. Hakkert. ISBN 9789025611125.
- ^ Deliradev, Pavel (1953). Contribution to the historical geography of Thrace (bil-Bulgaru). Publisher of the Bulgarian Academy of Sciences. p. 189.
- ^ Илиева (Ilieva), Павлина (Pavlina); Прешленов (Preshlenov), Христо (Christo) (2005). "Люба Огненова-Маринова—Ученият, Учителят И Човекът". In Стоянов (Stoyanov), Тотко (Totko); Тонкова (Tonkova), Милена (Milena); Прешленов (Preshlenov), Христо (Christo); Попов (Popov), Христо (Christo) (eds.). Heros Hephaistos: Studia In Honorem: Liubae Ognenova-Marinova [Luba Ognenova-Marinova—scientist, teacher and man] (bil-Bulgaru). Sofia, Bulgaria: Археологически институт с Музей на БАН & Cobrxiur Университет “Св. Кл. Охридски”. pp. 7–11. ISBN 954-775-531-5.
- ^ "Как Започнаха Подводните Археологически Проучвания В Несебър". web.archive.org. 2016. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Preshlenov, Hristo (2022-05-26). "Postglacial Black Sea Level Rising, Urban Development and Adaptation of Historic Places. The case study of the city-peninsula of Nesebar (Bulgaria)". Internet Archaeology (bl-Ingliż) (60).
- ^ "Μεγάλη διαδικτυακή εγκυκλοπαίδεια του Εύξεινου Πόντου". www.ehw.gr. Miġbur 2023-06-09.
- ^ "Blog". conservation environment (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
- ^ Dragostinova, Theodora K. (2011). Between Two Motherlands: Nationality and Emigration among the Greeks of Bulgaria, 1900–1949. Cornell University Press. p. 26. ISBN 978-0801461163.
- ^ Fermor, Patrick Leigh, "The Broken Road," (2016: John Murray)(ISBN 9781590177549), p. 259.
- ^ "ТК Егалите – Тенис уроци в Несебър". egalitetennis.net (bil-Bulgaru). Miġbur 2023-06-09.