Aqbeż għall-kontentut

Port ta’ Marsamxett

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Belt Valletta mill-Port ta’ Marsamxett

Il-Port ta’ Marsamxett (pronunzja bil-Malti: [mɐr.sɐmˈʃɛt]), storikament imsemmi wkoll bħala Marsamuscetto, huwa port naturali fit-Tramuntana tal-Port il-Kbir, l-ikbar port tal-gżira ta’ Malta. B’mod ġenerali, il-Port ta’ Marsamxett jintuża iktar għar-rikreazzjoni mill-Port il-Kbir.[1]

Il-bokka tal-port tħares lejn il-Grigal u hija kkonfinata fit-Tramuntana mill-Peniżola ta’ Dragut (Dragut Point) u mill-Peniżola ta’ Tigné (Tigné Point). Fix-xatt tal-Majjistral tiegħu hemm l-irħula ta’ Tas-Sliema, il-Gżira u Ta’ Xbiex. Il-port jibqa’ dieħel iktar ’il ġewwa lejn l-art f’Tal-Pietà u l-Imsida. Faċċata tal-Gżira hemm il-Gżira ta’ Manoel (Manoel Island), li issa hija kkollegata mal-art permezz ta’ pont. Ix-xatt tax-Xlokk tal-port huwa ffurmat mill-Peniżola ta’ Sciberras, li fuqha hemm is-subborg tal-Furjana u l-Belt Valletta. Fix-xifer nett hemm il-forti tas-seklu 16, Forti Sant'Iermu. Il-Peniżola ta’ Sciberras tiddividi l-Port ta’ Marsamxett mill-port naturali ikbar u parallel tal-Port il-Kbir.

Id-dawra kollha tal-port ġiet żviluppata vertikalment minn naħa għall-oħra tal-peniżola, tant li mill-għoli tidher qisha żona urbana waħda. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni ta’ Malta tgħix f’raġġ ta’ tliet kilometri mill-Furjana. Illum il-ġurnata, id-densità tal-popolazzjoni ta’ din iż-żona hija waħda mill-ogħla fl-Ewropa. Iż-żewġ portijiet flimkien u ż-żoni tal-madwar jiffurmaw id-Distretti Portwali tat-Trammuntana u tan-Nofsinhar ta’ Malta. Flimkien, dawn id-distretti fihom 27 mit-68 kunsill lokali, u għandhom popolazzjoni ta’ 213,722 ruħ, jiġifieri iktar minn 47 % tal-popolazzjoni totali tal-Gżejjer Maltin.[2]

Pittura tal-Port ta’ Marsamxett Harbour fis-seklu 19 ta’ Girolamo Gianni

Fl-1551, l-Ottomani żbarkaw fil-Port ta’ Marsamxett u ppruvaw jassaltaw il-Port il-Kbir. Madankollu, ma attakkawx peress li sabu difiża b’saħħitha mibnija mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan it-tentattiv ta’ attakk ġie segwit minn attakk mingħajr suċċess kontra l-Imdina, is-serq mill-gżira ta’ Għawdex u l-ħakma ta’ Tripli, il-Libja. Wara dan l-attakk, il-Forti Sant'Iermu nbena biex iħares kemm il-Port ta’ Marsamxett kif ukoll il-Port il-Kbir.

Fl-1565 kien hemm invażjoni Ottomana ferm ikbar fl-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Matul dan l-assedju, il-flotta Ottomana kienet ibbażata fil-Port ta’ Marsamxett, u fil-Peniżola ta’ Tigné ġew stazzjonati kanuni biex jibbumbardjaw il-Forti Sant'Iermu. Matul l-attakk, l-ammirall Ottoman Dragut inqatel minn tir ta’ arma tan-nar. L-assedju fl-aħħar safa fix-xejn u l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann ħarġu rebbieħa. Fil-Peniżola ta’ Sciberras Peninsula nbniet belt ġdida, il-Belt Valletta, wara isem il-Gran Mastru Jean Parisot de la Valette li kkummissjonaha. Is-subborg tal-Furjana nbena iktar tard ftit ’il barra mill-belt.

Fl-1592, sptar ta’ kwarantina magħmul mill-injam inbena fuq il-Gżira ta’ Manoel, li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l'Isola del Vescovo (il-gżira tal-isqof). Dan l-isptar twaqqa’ sena wara u minfloku nbena Lazzarett permanenti fl-1643, li ttejjeb diversi drabi sa ma għalaq fl-1929. Bejn l-1723 u l-1733, il-Forti Manoel inbena fuq il-Gżira ta’ Manoel, filwaqt li l-Forti Tigné nbena fil-Peniżola bl-istess isem fl-1793. Fil-Peniżola ta’ Tigné nbnew ukoll barrakki Brittaniċi, iżda minn dak iż-żmien ’l hawn dawn twaqqgħu.

Sottomarini tan-Navata Rjali fil-Port ta’ Marsamxett ħdejn il-Gżira ta’ Manoel fit-Tieni Gwerra Dinjija

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Brittaniċi użaw il-Port ta’ Marsamxett, b’mod partikolari l-Gżira ta’ Manoel, bħala bażi tas-sottomarini. Il-gżira kienet frejgata tal-ġebel, imsejħa HMS Talbot jew HMS Phœnicia. Il-Forti Manoel reġa’ ntuża għal darb’oħra, iżda ġie bbumbardjat minn inġenji tal-ajru Luftwaffe għax-xħit tal-bombi li kkawżaw qerda kbira.

Fl-1977, l-ewwel Batterija (Marittima) tal-Forzi Armati ta’ Malta ċaqilqet il-bażi tagħha f’Xatt it-Tiben fil-Port ta’ Marsamxett.[3]

Tas-Sliema, il-Gżira, u Ta’ Xbiex fin-naħa tat-Tramuntana tal-port ġew żviluppati ħafna speċjalment f’dawn l-aħħar snin. Il-Port ta’ Marsamxett issa jintuża l-iktar għall-opri tal-baħar iż-żgħar meta mqabbel mal-Port il-Kbir. Hemm għadd ta’ marini tal-jottijiet fl-Imsida u fil-Gżira ta’ Manoel, impjant tal-bini tal-vapuri, kif ukoll mollijiet li minnhom isalpaw id-dgħajjes tad-dawriet turistiċi mal-portijiet u l-lanċa minn Tas-Sliema għall-Belt Valletta u lura.

Fl-10 ta’ Settembru 2006, matul ir-rawnd Malti tas-serje tal-Aero GP, kien hemm kolliżjoni fl-ajru bejn żewġ ajruplani fuq il-port li kkawżat il-mewt ta’ Gabor Varga, wieħed mill-bdoti.[4]

  1. ^ ""Other Ports". Transport Malta. Arkivjat 06-11-2014". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-11-06. Miġbur 2021-03-19.
  2. ^ ""Estimated Population by Locality 31st March, 2013" (PDF). Malta Government Gazette 19,094. Arkivjat 14-07-2014" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-07-14. Miġbur 2021-03-19.
  3. ^ ""Maritime Squadron Armed Forces of Malta". steno.webs.com. March 2010. Arkivjat 07-04-2014". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-04-07. Miġbur 2021-03-19.
  4. ^ "M3P : Malta Media Memory Preservation". www.m3p.com.mt. Miġbur 2021-03-19.